Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat, qal li l-gvern ħa u se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet, biex il-ġenerazzjonijiet li ġejjin igawdu mill-ġid u l-opportunitajiet li qed jinħolqu llum.
“Il-problemi li writna kważi kollha solvejnihom, il-problemi l-ġodda qed niffaċjawhom. Imma nistgħu naħdmu b’rasna mistrieħa biex lil ta’ warajna mhux problemi nħallulhom, iżda opportunitajiet. Inħallulhom il-ġid. Dan nistgħu nagħmluh għax id-deċiżjonijiet noħduhom.” Stqarr il-Prim Ministru.
Fiċ-Ċentru Laburista fin-Nadur Għawdex, il-Prim Ministru tkellem fit-tul dwar l-effetti tad-deċiżjonijiet tal-gvern.
Semma l-istatistika tal-Unjoni Ewropea li kkonfermat kif wara d-deċiżjoni tal-gvern seba’ snin ilu li jraħħas l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, illum il-Maltin iħallsu fost l-orħos kontijiet fl-Unjoni Ewropea.
Dr Muscat spjega wkoll kif il-gvern ħa d-deċiżjonijiet anke meta ġie biex jara kif se jdaħħal il-flus, b’kuntrast għall-gvern preċedenti li kien jirraġuna li biex ikollu l-flus, kellu jintaxxa iżjed.
“Dan il-gvern bil-maqlub, jagħti jagħti u jipprova ma jieħu xejn. Ġejna f’sitwazzjoni li Malta ġiet is-sitt pajjiż bl-inqas rati ta’ taxxi fl-Ewropa kollha.” Saħaq Dr Muscat
Filwaqt li qed isir dan kollu, il-Prim Ministru qal li pajjiżna huwa fost l-iktar li qed iżid il-pensjonijiet u servizzi bħaċ-childcare u t-trasport b’xejn.
Fost l-oqsma fejn il-gvern jieħu d-deċiżjonijiet hemm ukoll dawk tal-infrastruttura.
“Nafu li kif qegħdin ma nistgħux nlaħħqu. Filwaqt li l-privat miexi tajjeb, aħna wieħed mill-ftit pajjiżi li qed ninvestu fl-infrastruttura filwaqt li l-ekonomija sejra tajjeb.” Qal il-Mexxej Laburista.
F’dan il-kuntest Dr Muscat semma l-effetti pożittivi li diġà bdiet tħalli l-ewwel flyover fil-Marsa, bis-sewwieqa diġa qed iqattgħu 11,000 siegħa inqas fit-traffiku.
Fil-gżira Għawdxija l-Prim Ministru tkellem ukoll dwar settur ġdid ieħor li qed jaħdem fuqu l-gvern, il-kiri tal-ajruplani.
“Fid-dinja hemm biss żewġ pajjiżi li jispeċjalizzaw f’dan kollu. Barra mill-Ewropa Hong Kong u fl-Ewropa l-Irlanda. Aħna ilna naħdmu għal din l-aħħar sena u nofs biex inkunu t-tielet pajjiż fid-dinja li nidħlu b’saħħa f’dan il-qasam.” Kompla jgħid Dr Muscat
Semma wkoll l-investiment li qed isir biex jiżdied it-trasport bil-baħar.
“Is-sena d-dieħla se naraw li noħorġu konċessjonijiet li din l-idea ndaħħluha f’postijiet oħra. In-naħa ta’ isfel Wied il-Għajn, Marsaxlokk. In-naħa ta’ fuq San Pawl il-Baħar.” Ikkonkluda l-Prim Ministru.
Ilkoll deċiżjonijiet li dan il-Gvern qed jieħu biex lil ta’ warajna, iħallilhom il-ġid, temm jgħid il-Prim Ministru fin-Nadur Għawdex.