Il-fdalijiet ta’ sottomarin Ingliż li għeb waqt it-Tieni Gwerra Dinjija b’44 persuna abbord instab ’il barra mill-kosta ta’ Malta.
L-HMS Urge li kien jagħmel parti mill-flotta Brittanika ħalla Malta fis-27 ta’ April tal-1942, fi triqtu lejn il-port ta’ Alexandria fl-Eġittu. Is-sottomarin baqa’ qatt ma tela’ f’wiċċ l-ilma u minn dakinhar sal-iskoperta tiegħu s-sajf li għadda, ħadd ma kienu għadu jaf ir-raġuni tal-għajbien u fejn spiċċa.
Skont ir-riċerkaturi li sabu l-fdalijiet tiegħu, is-sottomarin ġie mgħerreq waqt attakk ’il barra minn gżiritna u llum jinsab f’qiegħ ta’ ftit anqas minn 122 metru.
It-tfittxija għalih bdiet sentejn ilu meta Francis Dickinson, in-neputi tal-kmandant tas-sottomarin staqsa lill-Università ta’ Malta dwar ix-xogħol li kienet qed tagħmel biex tieħu ritratt tal-ibħra Maltin.
Il-Professur Timmy Gambin mid-Dipartiment tal-Arkeoloġija fl-Università qal lis-CNN li fl-aħħar 20 sena, l-università stħarrġet medda ta’ 1,200 kilometru kwadru tal-ibħra Maltin.
Qal li s-sottomarin instab bħala parti minn stħarriġ wiesgħa iżda ż-żona mistħarrġa intgħażlet speċifikament bl-intenzjoni li jiġi llokalizzat dan is-sottomarin.
Għalkemm il-fdalijiet tiegħu ġew skoperti fis-sajf li għadda, l-aħbar ma setgħetx tixxandar qabel mal-Ministeru tad-Difiża Ingliż ikkonferma li kienu tal-HMS Urge.
Il-Professur Gambin qal lis-CNN li din l-iskoperta xejnet spekulazzjonijiet li dan is-sottomarin kien instab ’il barra mill-kosta Libjana.
Innota li s-sejba tmur lil hinn minn sit arkeoloġiku ieħor f’qiegħ il-baħar għax il-post huwa wkoll ċimiterju għal 44 ruħ li nqatlu abbord is-sottomarin..
Fi stqarrija, il-Ħamis li għadda, is-sit tar-Royal Navy Ingliża qal li l-HMS Urge ġie lokalizzat u identifikat. Qal li s-sottomarin kien jagħmel parti minn flotta ta’ 13-il sottomarin żgħar li għebu fil-Mediterran waqt il-gwerra. Qal li waqt ir-rondi tiegħu għamel ħsara lill-bastiment tal-gwerra Taljan Vittorio Veneto u għarraq il-bastiment Bande Nere.
Il-neputi tal-Logotenent Kmandant qal lis-CNN li kien privileġġ għalih li jara ritratti bil-kulur ta’ dan is-sottomarin speċjali għall-ewwel darba sa mill-1942. Qal li s-suldati abbord iġġieldu għall-ħelsien u fuq kollox għall-paċi. Huwa żied jgħid li għaddej ix-xogħol biex is-sena d-dieħla jitwaqqaf monument f’Malta li jfakkar il-memorja tagħhom.