Se jinbnew ‘flyover’ u żewġ mini ġodda minflok ir-’roundabout’ tal-ajruport – One News

Notifiki

Se jinbnew ‘flyover’ u żewġ mini ġodda minflok ir-’roundabout’ tal-ajruport

L-Aġenzija tal-Gvern, Infrastruttura Malta ħabbret il-bini ta’ żewġ mini ġodda u flyover fil-junction tar-roundabout tal-Gudja. Dan bil-għan li jitjieb l-aċċess lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop, il-Gudja, l-arjuport u l-Port ħieles

L-Aġenzija spjegat li r-roundabout eżistenti se tkun iddisinjata u mibnija mill-ġdid biex tiffaċilita l-aċċess minn u lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq. Dan filwaqt li se tiġi mtejba wkoll il-bypass lane li tħaffef l-ivvjaġġar fid-direzzjoni tat-tramuntana mill-ħruġ tal-mini ta’ Ħal Kirkop lejn Vjal l-Avjazzjoni.

Fuq ir-roundabout se jkun hemm flyover ġdida li sservi ta’ pont bejn il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Vjal l-Avjazzjoni u Triq l-Ewwel Titjira, fid-direzzjoni lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. Għaldaqstant, jekk wieħed ikun irid lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop biex tibqa’ sejjer Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq jew Ħal Safi m’għandux għalfejn idur mar-roundabout.

B’dan it-tibdil, tliet rotot li bħalissa jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin mar-roundabout issa se jgħaddu mill-mini taħtha jew mill-flyover fuqha sabiex jonqsu r-riskji t’aċċidenti u l-ħin tal-ivvjaġġar għal eluf ta’ persuni li ta’ kuljum jgħaddu minn din il-junction.

Il-proġett mistenni jitlesta s-sena d-dieħla u se jinqasam fi tliet fażijiet differenti.

Il-Ministru Ian Borg spjega ma’ ONE News li l-għan tal-proġett huwa li jiffaċilita t-trasport u l-mobilità minn post għall-ieħor, speċjalment bejn il-Port ħieles u l-arjuport – kemm fejn jidħol il-ġarr tal-passiġġieri kif ukoll il-merkanija. Hu sostna: “L-intervent mħabbar minni u minn Infrastructure Malta bażikament jirrelata f’ħolqha importanti kemm għall-arjuport ta’ Malta u anke għall-freeport li huma żewġ ċentri ta’ loġistika għall-pajjiżna.” 

 Fakkar li l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fl-infrastruttura, u aktar minn kollox jiffaċilita l-ħajja ta’ kuljum ta’ eluf ta’ persuni li jagħmlu użu mit-toroq Maltin.

Il-Ministru Borg temm jgħid liHemm eluf ta’ familji li jgħixu f’din iż-żonaq u allura qabel il-mini ta’ Ħal Kirkop, il-ħtieġa li jkun hemm żewġ mini oħra kif ukoll fluover sabiex dan il-bottleneck li nħoloq tul iż-żminijiet ikun indirizzat.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend