Malta ġiet klassifikata bħala t-tieni l-aqwa destinazzjoni għall-għadds fid-‘Diver Awards’ ta’ din is-sena – One News

Notifiki

Malta ġiet klassifikata bħala t-tieni l-aqwa destinazzjoni għall-għadds fid-‘Diver Awards’ ta’ din is-sena


Malta ġiet ikklassifikata bħala t-tieni l-aqwa destinazzjoni tal-għadds għal din is-sena mill-qarrejja tar-rivista prestiġġjuża Diver Magazine.

Il-premju ngħata waqt ċerimonja li ttelgħet fir-Renju Unit.

Dan l-unur poġġa lill-gżejjer Maltin mal-iktar destinazzjonijiet popolari għall-għadds internazzjonalment u bħala l-ewwel fl-Ewropa.

Il-premju jsegwi s-suċċess li kisbet Malta għal dawn l-aħħar ħames snin fejn ġiet ikklassifika mal-ewwel tliet postijiet.

Hu magħruf li l-Gżejjer Maltin għandhom biex jiftaħru bl-abbundanza ta’ sikek, għerien u inkalji spettakolari.

L-ibħra ta’ madwar l-arċipelagu Malti huma magħrufin għat-trasparenza, it-temperatura u l-kulur mill-isbaħ tagħhom.

Malta kellha kompetizzjoni qawwija minn madwar id-dinja fosthom l-Eġittu klassifika fl-ewwel post u l-Indoneżja li kklassifika fit-tielet post.

Fl-2018, in-numru ta’ turisti li għażlu Malta bħala destinazzjoni għall-għads laħaq iktar minn 127,000 għaddas waqt li madwar 42,000 viżitatur ieħor għamlu attivitajiet ta’ scuba diving matul il-btala tagħhom fil-gżejjer tagħna.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi laqa’ dan il-premju li jpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem, bħala destinazzjoni ideali għall-għaddasa tul is-sena kollha. Qal li huwa importanti ħafna li nibqgħu naħdmu favur turiżmu sostenibbli sabiex nħarsu l-ambjent tal-gżejjer Maltin u Għawdxin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *