Jiġi fi tmiemu l-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-prostituzzjoni – One News

Jiġi fi tmiemu l-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-prostituzzjoni

Ilbieraħ, 31 ta’ Ottubru 2019, ġie fi tmiemu l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar it-traffikar uman u l-prostituzzjoni. Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi rċieva numru ta’ sottomissjonijiet mingħand bosta individwi u organizzazzjonijiet, fosthom rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-kamp legali, membri tal-korp akkademiku, għaqdiet studenteski u professjonisti li jaħdmu mill-qrib ma’ persuni vulnerabbli.

Flimkien ma’ dawn kien hemm numru ta’ pożizzjonijiet espressi minn għaqdiet internazzjonali li jaħdmu fl-oqmsa tat-traffikar tal-bnedmin, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza. Il-Gvern ħa nota wkoll tar-rispons minn gruppi ta’ residenti li joqgħodu f’żoni li huma milquta direttament mill-prostituzzjoni.

Ir-rispons tal-pubbliku kkonferma l-prijorità ewlenija tal-Gvern li jipproteġi l-interessi ta’ nies vulnerabbli u li jindirizza dawn is-suġġetti delikati mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Għaldaqstant, fil-ġranet li ġejjin is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi ser ikun qed jibda proċess sabiex jiġu evalwati dawn is-sottomissjonijiet fid-dettall. Il-konklużjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni ser jikkontribwixxu għall-pass li jmiss f’din ir-riforma, jiġifieri l-ħolqien ta’ strateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin. Fl-istess waqt ser ikun hemm ħidma parallela dwar il-prostituzzjoni flimkien mat-twaqqif tal-exit programme li ġie mħabbar fil-Budget tal-Gvern għall-2020.

Is-Segretarjat Parlamentari jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem f’din id-diskussjoni b’mod dirett, lill-mezzi tax-xandir li taw spazju għal aktar diskussjoni, kif ukoll lill-pubbliku inġenerali li esprima l-opinjoni tiegħu b’diversi modi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend