In-nefqa fuq servizzi ta’ ħarsien soċjali tiżdied għal €24 miljun – One News

Notifiki

In-nefqa fuq servizzi ta’ ħarsien soċjali tiżdied għal €24 miljun


Tul is-sena li għaddiet kompliet tiġi rreġistrata żieda fil-każijiet ta’ vjolenza domestika u vjolenza fuq it-tfal.

Dan joħroġ mill-aħħar rapport annwali dwar il-ħidmiet soċjali tal-aġenziji fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għas-sena li għaddiet.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Alfred Grixti, qal li matul is-sena li għaddiet, l-aġenzija Appoġġ, l-Aġenzija Sedqa u Sapport waslu f’ħoġorhom aktar mal-15,000 każ, li 1,500 minnhom kienu rapporti ta’ vjolenza domestika.

Is-Sur Grixti spjega: “Għal 15,300 issib 1,500, 1,600 żgur li huma ta’ vjolenza domestika. Ninvestigaw kull sena 1,000 rapport fuq it-tfal jiġifieri jkun investigat miċ-Child Protection Service. Però mbagħad il-ħidma fil-komunità hija mifruxa sew u nilħqu n-nies permezz tal-LEAP, permezz tal-HBTS u permezz tal-Community Services tagħna.”

Fir-rapport intqal li ż-żieda tista’ tkun dovuta għal-liġi dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-liġi tal-vjolenza domestika li tnediet is-sena li għaddiet u ż-żieda fil-kuxjenza dwar dawn il-każijiet.

Joħroġ ukoll li 70 adoloxxent ġew mgħejjuna jsibu xogħol jew biex itejbu l-ħiliet tagħhom, filwaqt li rekord ta’ 148 ingħataw għajnuna li għall-ewwel kienu rrifjutaw.

L-Aġenzija Appoġġ għenet 15-il vittma ta’ traffikar uman, f’każijiet fejn kienu qegħdin jiġu sfruttati għax-xogħol.

Ir-rapport juri wkoll li s-sena l-oħra, 50 tifel u tifla ġew iffosterjati u 77 ruħ tħarrġu qabel ma bdew jiffosterjaw.

Is-Sur Grixti saħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar professjonisti. Huwa sostna: “Jekk jirduppjaw il-youth workers, il-community workers u s-physchologists u psychology graduates li joħorġu mill-Fakultà tas-Social Wellbeing aħna nimpjegawhom kollha jiġifieri l-ħtieġa qiegħda hemmhekk u qegħdin naħdmu bħal ħafna servizzi simili barra minn Malta below dak li hu rikjest li jkollna.”

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li b’żieda fl-allokazzjoni finanzjarja, il-Fondazzjoni rdoppjat l-impjegati tagħha biex tkun tista tkabbar u tifrex is-servizzi li tagħti lil nies vulnerabbli.

Ħabbar li s-sena d-dieħla n-nefqa se tiżdied għal €24 miljun – it-triplu tan-nefqa tal-2012. Qal li parti miż-żieda fin-nefqa għas-servizzi ta’ saħħa mentali.

Il-Ministru Falzon stqarr: “Dik hija realtà li rridu naffaċċjaw u hemm affarijiet li rridu nkunu forerunners. Ovvjament naħdmu ma’ Ministeri oħra, xi ħaġa li dejjem nappella li dejjem naħdmu flimkien, u hija issue li rridu nħarsu lejha. Hemm issues oħrajn li ġejjin bla dubju imma naħseb li din hija xi ħaġa li rridu naħdmu ħafna fuqha.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend