Flok apoloġizzaw li ħallew lis-South abbandunat, l-Oppożizzjoni ħarġet b’fake news dwar l-akbar proġett infrastrutturali li qatt sar f’Malta – One News

Flok apoloġizzaw li ħallew lis-South abbandunat, l-Oppożizzjoni ħarġet b’fake news dwar l-akbar proġett infrastrutturali li qatt sar f’Malta

Aktar minn 451,000 vettura ffrankaw li jeħlu fit-traffic lights tal-Addolorata billi għaddew minn fuq il-flyovers ġodda tal-Marsa Junction Project minn meta nfetħu f’Settembru. Dawk li jivvjaġġaw f’din ir-rotta ta’ kuljum iffrankaw bejniethom 11,275 siegħa fit-traffiku.

Hekk iddikjara l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg b’reazzjoni għal fake news li ħarġet biha l-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex tattakka dan l-akbar proġett infrastrutturali li qatt sar f’pajjiżna.

Dr Borg qal li bis-saħħa ta’ mijiet ta’ ħaddiema Maltin u barranin li qed jistinkaw lejl u nhar biex eluf ta’ persuni jgawdu l-benefiċċji kbar ta’ dan il-proġett mill-aktar fis.

Sosnta li hija ħasra li pajjiżna kellu jistenna dawn is-snin kollha biex jibda jibbenefika mis-soluzzjonijiet tal-Marsa Junction Project.

“It-traffic lights tal-Addolorata ilhom hemm mill-1997. Dak iż-żmien kienu sistema tajba, iżda għal snin twal il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ħallihom kif kienu. M’għamel xejn biex itejjeb din ir-rotta ewlenija għan-Nofsinhar ta’ Malta. Biż-żieda kontinwa fid-domanda għat-trasport matul is-snin, mal-100,000 persuna li jużaw din ir-rotta kuljum tħallew staġnati fit-traffic lights”, qal Dr Borg.
Huwa żied jgħid li flok ma l-Oppożizzjoni ħarġet tapoloġizza talli abbanduna n-Nofsinhar ta’ Malta, il-Partit Nazzjonalista dil-ġimgħa ħareġ bil-fake news tal-Halloween li “sfrondat parti mill-flyover”.

“Niżgura lil kulħadd li l-flyovers ma sfrondawx u lanqas ġratilhom xi ħsara. Il-flyovers ta’ dan il-proġett qed jinbnew b’disinn u b’materjali li jifilħu għall-kundizzjonijiet sismiċi u tat-temp ta’ pajjiżna, u jservuna għal aktar minn 100 sena”, sosnta l-Ministru.

Spjega li r-ritratti li juru l-flyover allegatament sfrundata m’huma xejn ħlief faxxa dejqa ta’ asfalt temporanja li saret sakemm minflokha jsiru expansion joints apposta li jkomplu jiggarantixxu li l-flyovers iservu għal aktar snin.

Qal li dawn l-expansion joints ma jistgħux isiru qabel titlesta t-tielet flyover (li taqbad mal-ewwel 2) fil-ġimgħat li ġejjin u tkun tista’ ssir ukoll l-aħħar kisja ta’ asfalt tat-tliet flyovers f’daqqa.

Spjega li b’hekk, it-tliet flyovers se jkunu miksija b’saff t’asfalt kontinwu bla ebda qsim biex iservi aktar.

Huwa żied jgħid li għall-ewwel darba f’Malta, l-aħħar saff ta’ dawn il-flyovers se jsir b’asfalt aktar b’saħħtu li qatt qabel ma ntuża bħalu f’Malta.

“Jiddispjaċini li hawn min qed jipprova jkasbar il-mijiet ta’ ħaddiema Maltin u barranin li qed jaħdmu fuq dan il-proġett minħabba ħsara żgħira f’asfalt temporanju li se jinqala’ fil-ġimgħat li ġejjin xorta waħda. Jien għandi fiduċja sħiħa f’dawn il-ħaddiema u ninsab ċert li l-poplu Malti jaqbel miegħi u mhux se jaqa’ għan-nasba ta’ min moħħu biss biex ibeżża’ u jinganna biex forsi jirbaħ xi vot”, temm jgħid il-Minsitru Borg.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend