Illum ‘il ġurnata, aħna neħduha b’mod awtomatiku li persuna tindifen f’ċimiterju wara mewtha. Madanakollu, din ma kinitx tapplika għal 150 sena ilu.
“Fil-knisja li inti probabbilment tgħammidt, irċevejt l-ewwel tqarbina, griżma u żżewwiġt, probabbilment kont anke sejjer tindifen. Jew almenu jekk ma tkunx dik tal-parroċċa li nisslitek, tkun il-parroċċa li inti għext fiż-żwieġ jew tal-ħajja adulta tiegħek. Kienu ftit dawk li jindifnu barra mill-knejjes ħlief dawk li jmutu fi mxiji u flaġelli ta’ mard infettiv.”
Dan minħabba li d-dikomposizzjoni tal-iġsma tal-mejtin setgħu jkunu ta’ deterrent għal ħaddieħor. Għalhekk, meta persuna tindifen barra mill-knisja kienet titqies inaċċettabli u povra.
Għalkemm fi żmien il-ħakma tar-Rumani u tal-Biżantini, id-dfin kien isir fil-katakombi, meqjusa ċ-ċimiterji f’dik l-epoka, kellhom jgħaddu s-snin sakemm bdiet tindara l-idea li jintużaw iċ-ċimiterji.
L-awtur tal-ktieb riċerkat bir-reqqa ‘Iċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata’ isemmi wkoll inċidenti partikolari li kienu jseħħu waqt id-dfin.
“F’waħda mis-sezzjonijiet tal-ktieb titħadded fuq ċertu kurżitajiet jew inċidenti partikolari li seħħew hawnhekk. Bħal per eżempju kellek air raid waqt difna u sfratta l-karru misjuq miż-żwiemel u għamel ħerba sħiħa.”
Iċ-Ċermen ta’ Heritage Malta, Anton Refalo faħħar din l-inizjattiva li se tkun qed tagħti sinjal qawwi biex iżżid l-aċċessibiltà ta’ dan iċ-ċimiterju lill-pubbliku.
“Dan huwa monument ħaj, monument li juri dak li għaddew minnu ta’ qabilna. U naħseb li l-mod kif qed nimxu aħna bħala Heritage Malta li nidħlu f’dawn l-inizjattivi qegħdin jagħtu l-frott tagħhom u nħalluh ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.”
Intant iċ-ċimiterju tal-Addolorata mibni wara nofs is-seklu dsatax fuq l-għolja tal-Ħorr, li kienet diġa tintuża għad-dfin sa minn żmien in-neolitiċi, minn mindu saret l-ewwel difna f’Jannar tal-elf tmien mija tnejn u sebgħin sal-lum indifnu fih kważi tliet mitt elf ruħ.