Malta Enterprise, l-entità governattiva li tieħu ħsieb li tħajjar l-investiment lejn Malta u T-Systems Deutsche Telekom, l-ikbar kumpanija tat-telekomunikazzjoni fil-Ġermanja, iffirmaw Memorandum of Understanding biex jibda jingħata servizz ta’ Blockchain lil kumpaniji li jinvestu f’Malta.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia u l-Kap tal-Marketing Globali ta’ T-Systems Katheryn White waqt l-ikbar konferenza Diġitali Ewropea Digital X, f’Bonn fil-Ġermanja.
Konferenza li għaliha attendew madwar mitejn kumpanija, minn fost l-ikbar kumpaniji diġitali fil-Ġermanja u internazzjonali, biex jaqsmu l-esperjenzi u opportunitajiet fis-settur diġitali.
Il-Malta Enterprise hija l-ewwel entità internazzjonali li se tingħaqad ma’ T-Systems, biex toffri sistema ta’ Blockchain għal kumpaniji rreġistrati Malta li jridu jagħmlu proġett ta’ Blockchain.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, qal li dan il-ftehim se jkompli jżid mal-valur ta’ pajjiżna bħala l-Blockchain Island. Huwa żied jgħid li s-sħubija tal-Malta Enterprise ma’ T-Systems se toffri l-opportunita’ lil iktar kumpaniji ta’ Blockchain li jinvestu f’pajjiżna u joħolqu impjiegi ta’ kwalità.
“Għażlu lil Malta u lil Malta Enterprise dan huwa tajjeb ħafna għal kumpaniji tal-Blockchain. Minħabba regolament li għamilna, Deutche Telekom tiġi Malta hija xi ħaga ta’ kalibru.”
Fl-iffirmar fil-Ġermajna, il-Kap tal-Marketing Globali ta’ T-Systems Katheryn White qalet li s-sistema li qed joffru se żżid mar-rata ta’ suċċess li jkollhom il-kumpaniji ta’ Blockchain. Saħqet li għażlu lil pajjiżna għal dan l-investiment għax Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa li jirregola dan is-settur kif suppost.
Is-Sur Farrugia saħaq li b’isem Deutsche Telekom u T-Systems, ġurisdizzjonijiet bħal Malta jkomplu jżidu l-valur.
“Qiegħda tagħti vantaġġ lill-kumpaniji biex jittestjaw il-kumpaniji tagħhom f’Malta. Jistgħu jiġu Malta u jużaw is-servizzi tagħhom fejn tidħol Blockchain.”
Is-sistema teknoloġika ta’ T-Systems se tiġi ċċertifikata mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali biex tkun tista’ toffri dan is-servizz.