Il-Pulizija u l-uffiċjal prosekutur fl-Estonja fetħu investigazzjoni kriminali fil-bank ewlieni Żvedik Swedbank dwar allegazzjonijiet serji ta’ ħasil tal-flus li seħħ bejn l-2011 u l-2017.
L-uffiċċju tal-prosekutur tal-istat qal li l-bank diġà qiegħed jiġi investigat mill-awtoritajiet finanzjarji Żvediżi u Estonjani. L-Erbgħa li għadda qalu li l-investigazzjonijiet jinsabu fi stadju avvanzat biex jinfetaħ każ formali kontra l-bank.
Aktar kmieni din is-sena, l-eqdem bank Żveviż keċċa lill-Kap Eżekuttiv u aċċetta r-riżenja taċ-chairman tiegħu wara li n-negozju li kien qed jagħmel fl-Estonja inqabad f’xibka ta’ ħasil tal-flus li kien jinvolvi wkoll lill-bank Daniż Danske Bank.
Fi stqarrija l-uffiċċju tal-Prosekutur żied jgħid li l-Estonja setgħet intużat bħala pajjiż tranżitorju għal skema ta’ ħasil tal-flus.
Aktar kmieni din is-sena, l-Estonja qalet li l-investigazzjonijiet tagħha fl-attivitajiet ta’ Swedbank kienu parti minn investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus minn Danske Bank fl-Estonja.
Dan kien l-aħħar minn sensiela ta’ każi serji ta’ ħasil tal-flus f’banek Ewropew li qed iwassal lill-Unjoni Ewropea biex iżżid l-isforzi tagħha kontra din l-attività kriminali.