LifeCycle tgħin lill-qraba tal-pazjenti fit-trasport għas-servizz tat-Twilight Shift   – One News

Notifiki

LifeCycle tgħin lill-qraba tal-pazjenti fit-trasport għas-servizz tat-Twilight Shift  

It-Taqsima tal-Kliewi fl-Isptar Mater Dei toffri lill-pazjenti li jirċievu kura għall-kundizzjonijiet tal-kliewi, bħalma hi l-emodijalisi, l-opportunità li jagħmlu dawn it-trattamenti tard filgħaxija. Dan is-servizz hu aktar konvenjenti għal pazjenti minħabba l-impjieg tagħhom matul il-ġurnata. Mill-banda l-oħra, dan jista’ jkun ta’ inkonvenjent għall-qraba biex isuquhom sal-isptar u jerġgħu jmorru għalihom fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Għal din ir-raġuni, il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) tappoġġja s-servizz msemmi Twilight Shift b’mezz ta’ trasport ta’ vann ħalli tagħmilha aktar faċli għall-qraba u tipprovdi transport għal pazjent li jkollu bżonn dan lejn u mit-Taqsima tal-Kliewi tliet darbiet fil-ġimgħa.

Bħalissa, iktar minn 220 pazjent jeħtieġu trattament ta’ emodijalisi fit-Taqsima tal-Kliewi. Il-pazjenti jeħtieġu jqattgħu erba’ sigħat fuq il-magni tad-dijalisi biex jitnaddaf id-demm tliet darbiet fil-ġimgħa. Dan hu trattament aggressiv ħafna li jħalli lill-pazjent pjuttost għajjien ħafna tant li ma jkunx f’qagħda li jsuq lura d-dar.

“Bis-servizz tat-Twilight Shift fit-Taqsima tal-Kliewi, il-pazjenti ma jfixklux ir-rutina tax-xogħol ta’ kuljum tagħhom. Minn mindu twaqqaf dan is-servizz, fl-2012, Lifecycle kienet pijuniera fil-provvista ta’ trasport adegwat għal dawn il-pazjenti. Dan is-servizz hu ta’ soljev kemm għall-pazjenti nfushom kif ukoll għall-għeżież tagħhom, li altrimenti ikollhom jagħmlu medja ta’ sitt vjaġġi tard filgħaxija fil-ġimgħa,” qal ir-Renal Unit Charge Nurse Paul Calleja.

“Permezz tal-kontribut ta’ LifeCycle għall-użu u l-manutenzjoni annwali tal-vann matul it-Twilight Shift, qed noffru servizz li jiġbor il-pazjent minn daru stess mingħajr skariġġ u jerġa’ jitwassal lura id-dar,” qal il-Fundatur ta’ LifeCycle Alan Curry.” Grazzi għall-istaff iddedikat fit-Taqsima tal-Kliewi, il-pazjenti jistgħu jagħmlu t-trattament tad-dijalisi filgħaxija, b’inqas ansjetà peress li jafu li għandhom it-trasport ipprovdut, u fl-istess waqt jistgħu jkomplu bix-xogħol tagħhom matul il-ġurnata.

Għal dawn l-aħħar 21 sena, LifeCycle appoġġjat il-bżonnijiet ta’ pazjenti li jbatu bil-kliewi u lill-familji tagħhom, kif ukoll kompliet tkabbar l-għarfien dwar it-trapjanti ta’ organi f’Malta b’kollaborazzjoni mal-Transplant Support Group. F’Novembru li għadda l-Fondazzjoni LifeCycle waqqfet il-proġett ġdid R.U.S.H. biex toffri network ta’ appoġġ komprensiv għall-pazjenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend