Ġiet imnedija s-16-il edizzjoni tal-BOV Piggy Bank – One News

Notifiki

Ġiet imnedija s-16-il edizzjoni tal-BOV Piggy Bank


Il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund qiegħda terġa’ tħeġġeġ lit-tfal kollha Maltin u Għawdxin biex jaħsbu f’persuni inqas ixxurtajti minnhom.

Dan permezz tal-kampanja tal-Istrina Bov Piggy Bank li issa daħlet fis-16-il edizzjoni tagħha.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz Verdala fil-Buskett, il-President ta’ Malta George Vella qal li fil-jiem li ġejjin se jitqassmu eluf ta’ karusijiet fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex.

Il-President Vella qal li sa mit-twaqqif tagħha 15-il sena ilu, inġabru mal-€1,800,000 għall-persuni li sfortunatament jintlaqtu minn mard kiefer bħal dak tal-kanċer.

Il-President Vella qal li din il-kampanja mhux biss għandha l-għan li tgħin lil min huwa fil-bżonn iżda wkoll tnissel fit-tfal sens ta’ kuxjenza u valuri f’qalb it-tfal Maltin u Għawdxin biex jaħsbu f’persuni li għandhom bżonnijiet partikolari.

L-Eċċellenza tiegħu l-President George Vella: “Inti qed tagħti u ma tafx lil min qed ittih però qed tagħti biex imur għand dak li għandu bżonn. Dan hu l-messaġġ li pruvajt nagħmel ħalli jekk jista’ jkun lit-tfal indaħħlulhom dan is-sens li ’l bogħod milli jaħsbu li huwa kollox normali għax huma qiegħdin komdi. Hemm min mhux komdu bħalhom.”

Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta Deo Scerri qal li ta’ kull sena permezz ta’ din il-kampanja, il-Bank iżid b’mod sostanzjali l-ammont li jkun inġabar mit-tfal.

Is-somma totali li tinġabar permezz ta’ din il-kampanja tixxandar waqt l-edizzjoni li jmiss tal-Istrina, l-għada tal-Milied.

Filwaqt li l-karusijiet se jibdew jitqassmu mill-ġimgħa d-dieħla, mart il-President, is-Sinjura Miriam Vella se jżur numru ta’ skejjel biex tfisser il-ħidma li qed issir fi ħdan il-Malta Community Chest Fund.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend