Il-Bormliżi se jġeddu wegħda solenni li għamlu 75 sena ilu – One News

Notifiki

Il-Bormliżi se jġeddu wegħda solenni li għamlu 75 sena ilu

Tlieta kwarti ta’ seklu ilu f’Bormla kien hemm atmosfera ta’ festa.

Festa li kienet bħal manna ħelwa nieżla wara l-morr li ġabet it-tieni gwerra dinjija, speċjalment fuq l-inħawi tal-Kottonera.

Meta kienu se jinżlu xita ta’ bombi fuq Malta mill-qawwiet tal-Assi, il-Bormliżi ħasbu li l-istatwa tal-Kunċizzjoni u l-kwadru titulari inkurunat imorru għall-kenn.

Dawn iż-żewġ teżori inżammu fil-Bażilika ta’ Birkirkara u l-Bormliżi kienu għamlu wegħda solenni.

“Huma u sejrin bil-pellegrinaġġ, sejrin lejn Birkirkara għamlu wegħda li jekk dan it-tempju, dil-knisja ma taqax bil-bombi, ma titkissirx, huma jġibu lura l-istatwa tal-Madonna u l-kwadru titulari b’pellegrinaġġ minn Birkirkara għal Bormla.”

Dik il-wegħda l-Bormliżi żammewha wara li l-gwerra tassew qerdet il-bini tal-madwar iżda l-Knisja baqgħet fuq saqajha.

Illum ħamsa u sebgħin sena wara, il-poplu Bormliż qed ifakkar din il-ġrajja b’pellegrinaġġ fuq il-passi ta’ dak li seħħ oriġinarjmanet.

Taħt Ħarstek Nistkennu – din hija l-għajta tal-Bormliżi b’ratba mal-ħamsa u sebgħin anniversajru.

“Hija talba lil Madonna, Taħt Ħarstek Nistkennu. Ħarisna u aħna niftaħru ilhi għandna għal qalbna lil Marija Immakulata u nixtiequ li nibqgħu taħt il-ħarsien tagħha.”

Il-wegħda tal-Bormliżi se terġa’ tiġġedded fix-xahar ta’ Novembru, hekk kif l-istatwa tal-Kunċizzjoni se tkun f’Birkirkara għall-ġimagħtejn.

Il-festi speċjali għal Bormliżi se jibdew minn kmieni, propju nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Novembru bil-ħruġ tal-vara min niċċa. Imbagħad nhar il-Ħadd 3 ta’ Novembru filgħodu, l-istatwa tal-Kunċizzjoni se tittieħed lejn Birkirkara, u s-Sibt 16 ta’ Novembru l-istatwa devota se terġa’ tmur lura lejn Bormla.

Dakinhar filgħodu l-istatwa se tittieħed lejn il-Knisja ta’ Kristu Re f’Raħal il-Ġdid u filgħaxija se tittieħed mill-Knisja ta’ Kristu Re lura lejn Bormla proċessjonalment.

Dawn il-festi speċjali ikomplu bid-disat ijiem tan-Novena u l-festa tant mistennija mill-poplu Bormliż fit-8 ta’ Diċembru.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend