Matul tmiem il-ġimgħa li ġejja, Għawdex ser ikollu esperjenza kulturali awtentika Ġappuniża. Dan hekk kif għall-ewwel darba se jiġi organizzat il-Gozo-Japan Friendship Event bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Ministeru għal Għawdex.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-festival, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din l-kollaborazzjoni nibtet wara li saru xi laqgħat mal-komunità kummerċjali tal-Ġappun li għamlet żjara ta’ korteżija lill-Ministru Caruana u wara intervista li saret mill-Japan Times lill-Ministru. Hija qalet li matul din il-laqgħa ġew diskussi diversi punti ta’ interess bejn iż-żewġ nazzjonijiet li għalkemm fiżikament huma ’l bogħod ħafna minn xulxin, xorta waħda hemm ideat komuni li jagħqudna. “Kien għalhekk li ntlaqgħet il-proposta tal-Komunità Kummerċjali Ġappuniża li jsir festival fejn jippromwovi l-kultura rikka ta’ dan il-pajjiż orjentali bl-intenzjoni li anki l-kultura Għawdxija tasal il-Ġappun, u Għawdex jiġi promoss ukoll f’dan il-pajjiż,” qalet il-Ministru Caruana.
Hija awgurat li dan il-festival, appart li jkun suċċess, ikun il-bidu ta’ aktar kollaborazzjoni fuq bażi ta’ skambji kummerċjali, kulturali u turistiċi.
Is-Sinjura Akiko Miyahara, li hi l-organizzatriċi ta’ dan il-festival, spjegat li l-intenzjoni hi li l-pubbliku jsir aktar familjari mal-kultura tal-Ġappun. Hi qalet li fost l-attrazzjonijiet ewlenin ser ikun hemm varjetà ta’ ikel u xorb tipiku Ġappuniż, tagħrif fuq l-ilbies tradizzjonali tal-Ġappun magħruf bħala kimono, u r-ritwali antiki fil-qasam tal-infużjuoni tat-tè fost ħafna aktar.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit: https://www.visitgozo.com/events/gozo-japan-friendship-event/
Ritratti – MGOZ