Il-gżejjer Maltin gawdew minn medja ta’ 325 siegħa xemx kull xahar tul is-sajf li għadda, bit-temperaturi tal-arja li ivarjaw bejn it-18-il grad u d-39 grad celsius.
Ix-xahar ta’ Ġunju kien l-iktar Ġunju sħun fi kważi mitt sena, filwaqt li l-ogħla temperatura tas-sajf intlaħqet bejn it-8 u l-10 ta’ Lulju, meta t-termometru kważi miss l-erbgħin grad celcius f’mewġa ta’ sħana li laqtet lill-gżejjer Maltin.
Min-naħa l-oħra Settembru ġab miegħu l-maltemp. Dan hekk kif fl-ewwel ħdax-il jum tax-xahar seħħew ħames maltempati bir-ragħad u s-sajjetti. L-akbar ammont ta’ xita, kemm għax-xahar ta’ Settembru kif ukoll għall-istaġun sajfi kollu, tkejlet fl-10 ta’ Settembru. Dan filwaqt li tul l-istaġun kollu niżlu kważi 32 millimetru ta’ xita.
L-10 ta’ Settembru wkoll kien l-iktar jum mudlam ta’ Settembru u tas-sajf. Min-naħa l-oħra, l-aktar jiem imdawlin tas-sajf kienu t-18 u d-19 ta’ Awwissu, b’kull waħda minn dawn il-ġranet tgawdi minn ftit aktar minn 13-il siegħa.
Is-sħana wasslet ukoll biex it-temperaturi tal-baħar kienu ogħla mill-medja għal kull xahar tas-sajf.
L-ogħla temperatura medja tal-baħar intlaħqet f’Awwissu u laħħqet is-sebgħa u għoxrin punt tlieta gradi celcius.