Fuq ir-radju tiegħu, waħdu ma jmerih ħadd, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia tkellem dwar il-mozzjoni approvata unanimament fil-Parlament dwar l-emerġenza fil-klima.
Għall-emendi mressqa mill-Gvern biex jittieħdu l-miżuri u l-azzjonijiet idonji kontra l-effetti u l-impatt tat-tibdil tal-klima, Delia kien negattiv, u dan anki wara li vvota favur il-mozzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni infexx iħambaq kontra l-Gvern dwar l-ambjent, anki jekk id-deputat tiegħu Jason Azzopardi tkellem ħafna dwar il-heavy fuel oil, li fl-elfejn u ħdax kien approvat minnu u l-kabinett li kien jifforma parti, biex jintuża għat-tħaddim tal-powerstation ta’ Delimara.
Dawn id-dikjarazzjonijiet jikkuntrastaw bil-kbir ma’ dak li qal il-Gvern fil-budget imressaq għas-sena d-dieħla fejn mistenni jaddotta sensiela ta’ miżuri ambizzjużi bla preċedenti favur l-ambjent.
Fost dawn hemm li jiżdiedu l-ispazji miftuħa, bħal Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali u l-proġetti t’afforestazzjoni, fosthom f’Birżebbuġa.
Adrian Delia imbagħad tkellem dwar l-edukazzjoni u qal li l-istudenti Maltin u Għawdxin qed iħallu l-iskola kmieni.
Dak li qal Delia jmur għall-kontra ta’ dak li qalet lista ta’ indikaturi li ħareġ l-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika li sostniet li matul is-sena li għaddiet pajjiżna naqqas b’aktar minn tlieta fil-mija r-rata tal-persuni li qed iħallu l-iskola kmieni.