Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli ppreżentat ċertifikati lil għaxar studenti li għadhom kemm gradwaw fl-Engineering and Automation mill-iskola tas-snajja Engineering Art & Craft waqt ċerimonja li saret fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Safi.
Dawn l-istudenti, li għandhom bejn 10 u 13-il sena, temmew b’suċċess kors ta’ sena u tliet xhur fl-Engineering and Automation. Dan il-kors huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li sar minn din l-iskola wara l-ftuħ tagħha sentejn ilu. Matulu l-istudenti ġew imħarrġa fuq diversi aspetti, mit-teorija sat-teknika u l-prattika fuq l-għodda u l-makkinarju. Saħansitra ġew mgħallma kif jinbena strument mużikali, kif tkabbar ħxejjex naturali u kif televixin jista’ jaħdem bix-xemx. Il-pass li jmiss għal dawn l-istudenti huwa li jkomplu l-kors fuq livell aktar avvanzat f’livelli 2 u 3.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli kellha kliem ta’ tifħir għal dawn l-istudenti li eċċellaw f’dan il-kors. Hija qalet kif mhux kulħadd hu maqtugħ għall-istess professjoni u għalhekk dawk it-tfal li jkunu jixtiequ jitgħallmu s-snajja jistghu jagħmlu dan permezz ta’ korsijiet bħal dawn. Qalet ukoll kif inizjattivi ta’ dan it-tip ibiegħdu lit-tfal tagħna minn vizzji ħżiena bħall-alkoħol u d-droga. “Irrid li t-tfal tagħna jeċċellaw f’oqsma tas-snajja bħal ma rajna llum kif ukoll fl-isports, l-arti u l-kultura u jkunu achievers.” Is-Segretarju Parlamentari ħeġġet lil dawn l-achievers biex meta jħarsu lejn iċ-ċertifikat ppreżentat lilhom minnha jiftakru f’dak li kisbu u tgħallmu u japplikawh fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, kemm fuq livell personali kif ukoll fuq il-post tax-xogħol.
L-għalliem ta’ dan il-kors, is-Sur Brian Bugeja, spjega kif iċ-ċertifikat huwa importanti iżda ferm aktar importanti minn dik il-karta hemm il-prattika. “Li npoġġi student fuq il-bank tax-xogħol u jurini l-kapaċità sa fejn wasal sa issa bil-provi hija l-iktar ħaġa importanti.” Is-sodisfazzjon u l-unur tiegħu bħala għalliem hu meta l-istudenti tiegħu japplikaw dak li jkunu tgħallmu waqt il-kors fuq il-post tax-xogħol tagħhom f’setturi bħall-avjazzjoni, l-mediċina u l-inġinerija ġenerali. “Għaliex x’jiswa li jkolli karta miktuba u quddiem bank jew magna tax-xogħol ma nkunx naf x’se naqbad nagħmel?” temm jgħid is-Sur Bugeja.