Nippremjaw l-istudenti għall-kisbiet tagħhom fl-arti tal-ispettaklu   – One News

Notifiki

Nippremjaw l-istudenti għall-kisbiet tagħhom fl-arti tal-ispettaklu  

Il-Kulleġġ ta’ San Benedittu f’Ħal Kirkop organizza ċerimonja biex jirrikonoxxi l-kisbiet tal-istudenti fl-arti tal-ispettaklu u għas-sħab li għandu bejn l-iskola u l-MCAST.

Total ta’ 43 student ingħataw ċertifikat għal dan il-programm iddisinjat b’mod speċifiku biex joffri l-istudenti l-opportunità li jiżviluppaw l-abbiltajiet tagħhom fuq il-palk, ibbażat fuq it-tliet pilastri ewlenin tal-arti tal-ispettaklu; il-moviment, il-mużika u d-drama.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici tkellem waqt iċ-ċerimonja u faħħar din l-inizjattiva, “li tkompli tenfasizza l-importanza li tkun espost għall-arti u l-kultura minn età żgħira. Permezz ta’ opportunitajiet varji, aħna qegħdin naħdmu lejn it-tkattir ta’ imħabba għas-settur artistiku, filwaqt li nkomplu nrawmu t-talent lokali żagħżugħ,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici. Hu rrefera wkoll għal inizjattivi bħall-Passaport tal-Istudenti ta’ Heritage Malta, u l-Culture Pass, li tnejn iservu ta’ rwol intrinsiku biex jagħmlu l-wirt u l-arti tagħna aktar aċċessibbli għaż-żgħażagħ.

Grazzi għal dan il-programm, l-istudenti qegħdin jitgħallmu ħiliet għall-ħajja minħabba li jkunu responsabbli biex joħolqu l-istejjer tagħhom, koreografiji u aktar. Permezz ta’ dan il-programm, l-istudenti jitgħallmu xi jrid isir biex ittella’ produzzjoni, minn qsim ta’ ideat dwar tema jew suġġett, kitba ta’ skripts, tekniċi li jintużaw, il-palk (inkluż il-kostumi, dawl, eċċ.) interazzjoni mal-udjenza, moviment, koreografiji u aktar. Deċiżament din hi esperjenza mill-aħjar fejn l-istudenti jiġu mmotivati biex joħorġu l-abbiltajiet tagħhom.

Permezz ta’ dan il-programm fuq l-arti tal-ispettaklu li ilu għaddej erba’ snin, l-istudenti qegħdin jingħataw l-opportunità biex isegwu programm fuq sentejn fl-arti tal-ispettaklu. Dawn il-lezzjonijiet isiru wara l-iskola fi ġranet differenti, jiddependi mis-sena li jkunu fiha. L-istudenti li jlestu l-ewwel sena ta’ studji jingħataw kredit f’Introduzzjoni għall-Ħiliet tal-Arti tal-Ispettaklu I bħala parti miċ-‘Ċertifikat ta’ Fondazzjoni fl-Arti Kreattiva’, filwaqt li l-istudenti li lestew it-tieni sena jingħataw kredit f’Introduzzjoni għall-Ħiliet tal-Arti tal-Ispettaklu II, bħala parti mid-‘Diploma tal-Arti tal-Ispettaklu.’

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend