FILMAT: nidħlu fil-villa li għexet fiha r-Reġina Eliżabetta fi Gwardamanġa – One News

FILMAT: nidħlu fil-villa li għexet fiha r-Reġina Eliżabetta fi Gwardamanġa

Soqfa imkissra, ħmieġ, abbandun u riħa ta’ għeluq. 

Dan hu dan li sibna ma’ wiċċna malli rfisna f’Villa Gwardamanġa, l-unika residenza li kienet tgħix fiha r-Reġina Eliżabetta t-Tieni barra mir-Renju Unit flimkien mal-Prinċep Philip li kien stazzjonat Malta mar-Royal Navy.

It-Tlieta li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-Gvern xtara din il-villa li kienet tgħix fiha Eliżabetta qabel ġiet inkurunata r-Reġina fl-1952. Hija kienet tgħix f’din il-villa flimkien ma’ żewġha u wliedhom il-Prinċep Charles u l-Prinċipessa Anne.

Heritage Malta ilha tliet snin li tefgħet għajnejha fuq din il-Villa u bħalissa għaddejja b’diskuzzjonijiet mal-Kummissjoni Għolja Ingliża f’Malta u ma’ nies qrib il-Buckingham Palace sabiex dan ġawhra arkittetonika terġa’ tingħata s-sura li jixirqilha.

Il-Villa għandha 18-il kamra, żewġ xelters, stalel taż-żwiemel u ġnien kbir li fih ir-reġina kienet tqatta’ ħafna ħin ’il bogħod mill-pressjoni tal-ħajja pubblika.

L-uffiċjal l-Operazzjonijiet ta’ Heritage Malta Kenneth Gambin tkellem dwar ir-restawr li hemm bżonn isir u l-aspett storiku tal-Villa li sa Ġunju tas-sena l-oħra kienet għadha tgħix fiha Marica Pace, qariba tal-familja Schembri li mingħandhom inxtrat il-villa.

Gambin spjega: “Nofs is-seklu 18. Kienu jibnu palazzi dak iż-żmien biex imorru veliġġjatura fis-sajf. PA kienet qieset din il-propjetà ta’ valur anki minħabba l-fatt li kienet tgħix fiha r-reġina meta l-prinċep kien xogħol mal-British Navy.”

Fil-Villa għad hemm bosta affarijiet li kienet tuża l-familja Rjali – bħal cooker u statwi tal-ġebel. Tapit li huwa maħsub li nġieb mill-familja Rjali, bil-kuruna rjali meħjuta fuqu li jġib id-data tal-1939.

Dħalna fil-kamra tas-sodda li kienet torqod fiha Reġina u għalkemm ma fihiex għamara, huwa maħsub li kull kamra terġa’ tiġi mgħammra kif kienet tul is-snin li raqdet fiha.

Gambin tenna: “Eżempju l-kċina u reġina jerġgu jiġu rekreatti kif kienet tgħix fiha reġina. Imbagħad anki fejn jidħol r-relazzjoni u l-iżvilupp bejn Malta u l-Ingliż.”

Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Mario Cutajar qal li x-xogħol mistenni jibda wara li jsir il-kuntratt. Huwa stqarr: “Opportunità unika biex tfisser ir-relazzjoni bejn Malta u l-UK u l-familja rjali. Irid isir riċerka biex anki jerġgħu jirrekraw din il-villa.”

Intant l-akkwist ta’ din il-villa li mistennija tkun attrazzjoni ewlenija għat-turisti f’pajjiżna diġà ngħatat prominenza kbira fil-midja Ingliżi bl-aġenzija tal-aħbarijiet SKY News tfakkar li l-perjodu li r-Reġina għexet f’Malta bħala wieħed mill-isbaħ żminijiet ta’ ħajjitha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *