Imħabbar proġett ta’ riġenerazzjoni fid-daħla tal-Isla – One News

Imħabbar proġett ta’ riġenerazzjoni fid-daħla tal-Isla

B’investiment ta’ €2 miljun se tkun qed tissebbaħ id-daħla tal-Isla.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ta dettalji fuq dan il-proġett li jinkludi restawr u tisbieħ f’żoni li ma kinux aċċessibbli għan-nies, u li issa jistgħu jgħollu l-valur turistiku ta’ din il-belt storika.

Dan il-proġett huwa imqassam fuq żewġ fażijiet fejn għal bidu se jsir restawr tad-daħla u s-swar ta’ San Mikiel kif ukoll restawr tal-gardjola u l-arloġġ ikoniku tal-Isla.

Imbagħad ikun imiss fost l-oħrajn it-tisbiħ tal-pjazza, id-daħla tal-Isla, parkeġġ bi 3,000 metru kwadru ta’ pavimentar kif ukoll tibdil tas-servizzi eżistenti.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi stqarr: “Se nkunu qed nagħmlu restawr sħiħ u se noħolqu open space, belvedere, visitors centre u anke pjazza ġdida b’ħafna siġar li se tagħmel differenza kemm għar-residenti tal-komunità għaliex din qed naħdmuha flimkien mal-Kunsil Lokali tal-Isla, kif ukoll għat-turisti u l-visitors li jiġu hawn.”

Il-Ministru Mizzi kompla jgħid li dan il-proġett huwa parti min-niċċa turistika meħtieġa fil-Kottonera.

L-applikazzjoni għall-ewwel fażi tal-proġett li tħabbar anki fil-budget imressaq il-ġimgħa l-oħra tinsab fil-proċess tal-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Hu mistenni wkoll li sal-aħħar ta’ din is-sena mistennija toħroġ is-sejħa għax-xogħlijiet biex b’hekk dan il-proġett jitlesta fi żmien 18-il xahar minn meta jibda x-xogħol.

Dan il-proġett se jsir mill-Korporazzjoni tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Gino Cauchi, spjega kif il-klabb tal-boċċi se jiġi rilokat biex tinħoloq pjazza ġdida taħt il-belvedere.

Dan il-belvedere se jkollu aċċess permezz ta’ taraġ ġdid, kif ukoll aċċess differenti għall-anzjani u persuni b’diżabilità permezz ta’ lift.

Cauchi rrimarka li dan ix-xogħol se jsir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali.

“Kienet ix-xewqa tagħhom li ovvjament isir proġett bħall dan, illi jagħti l-glorja d-daħla ta’ belt storika bħalma hi l-Isla u dejjem kienu ta’ appoġġ totali għalina. Jalla meta inkunu lestejna minn dan il-proġett, in-nies tal-isla ikunu kburin b’dak illi qegħdin nippjanaw għalihom”, qal Cauchi.

Il-proġett mistenni wkoll jinkludi l-imħażen kif kienu oriġinarjament fl-antik u ser tinbena struttura tal-ħadid li toffri passaġġ addizzjonali fuq il-parti ta’ fuq il-Belvedere.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend