Logħba bejn il-verità u l-miti – One News

Logħba bejn il-verità u l-miti

Ix-xahar ta’ Novembru dejjem jibda b’nota ta’ tkexkix hekk kif ifakkarna fil-mewt u fil-mejtin. Għalkemm maħbuba u rispettati, il-mejtin huma mistennija li jistrieħu fis-sliem biex iħallu lill-ħajjin ikomplu b’ħajjithom. Bosta jaħsbu li ċ-ċimiterji huma bliet tal-mejtin, iżda fir-realtà, dawn iservu biex iserrħu lill-ħajjin. Nhar il-Ġimgħa fl-għaxija, 1 ta’ Novembru, meta l-lejl ikun sieket u l-qamar ikun qed jokrob fid-dlam, Heritage Malta qiegħda tistieden lill-pubbliku biex jesperjenza vjaġġ stramb ta’ ritwali qodma, rivelazzjonijiet intriganti dwar iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u lejl mhux tas-soltu fil-Palazz tal-Inkwiżitur il-Birgu.

Dan l-avveniment se jibda b’introduzzjoni tat-tradizzjonijiet popolari u tat-twemmin fl-erwieħ u fil-ħajja ta’ wara l-mewt permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Għid tal-Erwieħ, li se ssir bil-Malti. Wara ssegwi ikla tradizzjonali li ġiet ispirata mill-ikliet li kienu jiġu servuti minn kommunitajiet varji bħala memorja tal-mejtin tagħhom. Waqt din l-ikla, Ġużi Gatt se jispjega s-sinifikat wara l-għażla ta’ dan l-ikel partikolari.

 Din is-sena, l-emfasi se tkun fuq it-tifkira tal-150 anniversarju mill-ftuħ uffiċjali taċ-Ċimiterju tal-Addolorata f’Raħal Ġdid. Eman Bonnici, l-awtur ta’ l-aktar pubblikazzjoni riċenti ta’ Heritage Malta Iċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata: Storja, Arti, Personalitajiet se jkun qed iwassal tagħrif kurjuż dwar l-istorja ta’ dan iċ-ċimiterju.

Fi tmiem ta’ din l-attività, il-parteċipanti jistgħu jagħżlu li jqattgħu l-lejl fil-Palazz tal-Inkwiżitur u għandhom saħansitra ċ-ċans li jorqdu ġewwa waħda miċ-ċelel tas-seklu 17, inkella f’partijiet oħra tal-palazz. Hekk jew hekk, kull rokna f’dan il-bini kapaċi tqanqlek, l-aktar bil-lejl.

 Prezz: €30 adulti, €28 membri ta’ Heritage Malta. Min hu mħajjar jattendi hu mħeġġeġ li jibbukkja minnufih għax in-numru ta’ parteċipanti huwa limitat. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mill-mużewijiet u mis-siti ta’ Heritage Malta, inkella online.

L-attività tibda fis-7.30pm. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit www.heritagemalta.org

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *