L-Assoċjazzjoni tan-Niġerjani f’Malta kkundannat b’mod unanimu l-irvell li seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.
Fi stqarrija, il-President tal-Assoċjazzjoni Patrick A. Umanah qal li l-assoċjazzjoni tbiegħed lilha nnifisha mill-irvell u esprimiet is-solidarjetà tagħha mal-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u mal-pulizija li spiċċaw bil-karozzi maħruqa minn immigranti vjolenti.
L-Assoċjazzjoni appellat lill-awtoritajiet biex ma jitfgħux f’keffa waħda lil migranti kollha li jobbdu l-liġi ma’ dawk li ħadu sehem fl-irvell vjolenti tal-Ħadd filgħaxija.
Appellat ukoll lill-immigranti kollha biex jirrispettaw il-liġijiet ta’ Malta, il-pajjiżi li qiegħed jospitahom.