Lufthansa Technik se tespandi f’Malta b’investiment ta’ €25 miljun – One News

Notifiki

Lufthansa Technik se tespandi f’Malta b’investiment ta’ €25 miljun


Il-kumpanija Lufthansa Technik iffirmat ftehim mal-Malta Industrial Parks biex tespandi l-operat tagħha f’Malta b’investiment ta’ €25 miljun ewro. Dan l-investiment mistenni joħloq 90 impjieg ġdid ta’ kwalità fis-settur u tal-avjazzzjoni.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija u l-Investiment Chris Cardona fil-Parlament li ddestrivih bħala sinjal ta’ fiduċja fil-politika ekonomika tal-Gvern u l-kapaċitajiet tal-ħaddiema Maltin.

Il-ftehim ġie ffirmat l-Erbgħa waranofsinhar mill-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Lufthansa Technik Malta Marcus Motschenbacher, mill-Kap Eżkuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia u dak tal-Malta Industrial Parks Karl Azzopardi.

Il-Ministru Cardona stqarr: “Dan huwa investiment li kien approvat mill-Malta Enterprise xi xhur ilu. Ilbieraħ mal-Malta Industrial Parks iffirmajna l-kuntratt mal-Lufthansa li permezz tiegħu ser jespandu l-operat tagħhom f’Malta. Ser jinvestu kif għidt inti 25 miljun ewro filwaqt li l-Malta Industrial Parks minn dan in-negozju ħa jdaħħal 47 miljun ewro matul is-snin tal-attività.”

 Permezz ta’ dan l-investiment, il-kumpanija tal-linja tal-ajru Ġermaniża se tkun tista’ tibgħat Malta aktar ajruplani għat-tiswija fil-hangers tagħha u tkun il-bażi għall-manutenzjoni tal-flotta l-ġdida tal-ajruplani, l-Airbus A350.

L-investiment li fost oħrajn jinkludi l-bini ta’ hanger ġdid biswit dak li għandha fil-park tal-avjazzjoni f’Ħal Luwa se jsir fuq medda ta’ 21 elf metru kwadru ta’ art li fiha jistgħu jissewwew ajruplani żgħar u kbar fl-istess ħin.

ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks  Karl Azzopardi fejn stqarr li din l-espansjoni ma waqgħetx mis-sema iżda saret sforz ħidma sfieqa li ħadet bosta xhur ta’ negozjati u involviet diversi entitajiet.

Huwa spjega li “L-avjazzjoni kif nafu qed tevolvi hemm potezjal u jiffitja perfettament fuq iz-zoning plan li qed noperaw bħalissa. Zoning plan li huwa anticipat ta’ ċertu tkabbir allura qed naraw re-clustering kif suppost biex inzidu l-efficjenzi mad-dawra tal-airport.”

Fil-Parlament Dr Cardona ħabbar ukoll fl-aħħar xhur il-Malta Enterprise approvat 26 proġett relatati mas-settur tal-kannabis mediċinali b’investiment ġdid ta’ aktar minn €150 miljun.

Dan filwaqt li fl-istess perjodu ġew approvati 54 proġett minn intraprendituri lokali b’investiment ta’ €32 miljun.

Qal li b’kollox dawn il-proġetti ser joħolqu kważi 1,500 mpjieg ġdid ta’ kwalità f’pajjiżna.

Il-Malta Enterprise approvat ukoll 11-il proġett fost oħrajn mill-kumpaniji Noovle u Microsoft sabiex b’hekk issa ċ-ċentru innovattiv f’Għawdex jinsab fi stadju avvanzat.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend