134 applikazzjoni ġdida ta’ kumpaniji tal-gaming – One News

Notifiki

134 applikazzjoni ġdida ta’ kumpaniji tal-gaming

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali, Silvio Schembri, ħabbar li l-Awtorità Maltija tal-Logħob qiegħda tipproċessa mija u erbgħa u tletin applikazzjoni ġdida ta’ kumpaniji li jridu joperaw minn Malta fil-qasam tal-gaming.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Borża ta’ Malta dwar il-miżuri mħabbra fil-baġit, is-Segretarju Parlamentari xejjen l-allegazzonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u qal li dan is-settur se jkompli jikber bit-tisħiħ fil-liġi li jirregola dan is-settur.

“Aħna l-ekonomija tagħna hija waħda miftuħa, però hija waħda mifruxa wkoll, jiġifieri m’għandiex settur wieħed biss, għandna diversi setturi li kollha qed imorru tajjeb, però importanti li nkomplu noħolqu setturi ġodda”

Dwar is-settur tas-servizzi finanzjarji ħabbar it-twaqqif ta’ Kunsill Konsultattiv li se jservi ta’ forum ta’ diskussjoni bejn il-Gvern, l-awtorità u n-nies mill-industrija biex titfassal strateġija f’dan il-qasam għas-snin li ġejjin biex jiġu esplorati oqsma ġodda bħal Regtech u l-Fintech.

“Ħa jkollu l-irwol wkoll ir-responsabbiltà li naħdmu strateġija long term ukoll għal dan is-settur. Sfortunatament, minkejja li dan huwa settur importanti ħafna, qatt ma kien hemm strateġija fejn irridu nwasslu lis-servizzi finanzjarji fil-ħames snin, sitt snin għaxar snin li ġejjin.”

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna ħabbar li Malta mhix waħda minn sitt pajjiżi Ewropew li ntalbu kjarfiċi dwar il-baġits tagħhom. Semma wkoll li għat-tieni sena konsekuttiva, Malta ġiet ikklassifikata mill-Forum Ekonomiku Dinji għall-istabbiltà makroekonomika.

Il-Professur Scicluna sostna li l-Gvern irnexxielu jbiddel il-mod ta’ kif jinħadem u jiġi ppreżentat il-baġit ta’ Malta.

“Id-dejn qed inaqqsuh, id-defiċit huwa xi ħaġa tal-passsat u fl-istess ħin l-ekonomija, l-investiment għadu ġej. Dak huwa s-sostenibbiltà, fejn inti għandek il-garanzija minn ħafna modi, speċjalment il-fatt li l-ekonomija hija ddiversifikata, li dak li qed ingawdu llum jista’ jitkompla fil-futur”

Huwa żied jgħid li kull miżura fil-baġit tiġi evalwata għall-impatt tagħha fuq il-familji, in-negozji u l-ekonomija bil-għan li n-nefqa ma taqbiżx id-dħul u b’hekk inkomplu nirreġistraw surplus.

Bħala eżempju semma l-miżura tar-rifjużjoni tat-taxxa lil mitejn elf ħaddiem fejn iċ-ċekk li se jerġgħu jirċievu l-ħaddiema huwa bbażat fuq id-dħul u għalhekk min hu l-iktar fil-bżonn jirċievi l-ogħla ammont.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend