Diskorsi li jixhdu d-differenza bejn żewġ mexxejja – One News

Notifiki

Diskorsi li jixhdu d-differenza bejn żewġ mexxejja

Id-diskorsi tal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar jumejn reġgħu kienu xhieda tad-differenza ċara bejn iż-żewġ mexxejja. Saħqu dan tliet Deputati Laburisti, l-għada li ż-żewġ mexxejja taw ir-risposti tagħhom dwar il-baġit.

Il-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar qalet li fuq naħa hemm Prim Ministru li kien il-moħħ wara baġit li se jġib differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies, u fuq in-naħa l-oħra hemm Kap tal-Oppożizzjoni li jbeżża’ biss, u tkellem fuq kollox għajr il-baġit.

“Fuq naħa għandna Prim Ministru li bil-kompetenza tiegħu ħareġ lil pajjiżna minn defiċit u għal ħames snin konsekuttivi ħoloq surplus u fuq naħa oħra għandna Kap tal-Oppożizzjoni li lanqas biss għadu sab tarf tal-problemi li għandu fl-istamperija aħseb u ara kif nistgħu nafdawh aħna bħala poplu Malti bil-finanzi ta’ pajjiżna.”

Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield tkellem dwar id-diskors negattiv ta’ Adrian Delia, maqtugħ mir-realtà li qegħdin jgħixu l-familji Maltin u Għawdxin.

Qal li Delia wera biċ-ċar in-nuqqas ta’ kredibilità tal-Oppożizzjoni, b’kuntrast ma’ Gvern b’saħħtu u deċiżiv lest għall-isfidi tal-lum u ta’ għada.

“Toħroġ ċara d-differenza kemm Adrian Delia la hu Kap tal-Oppożizzjoni serju u lanqas jista’ jkun qatt kredibbli. Il-lista ta’ żbalji fattwali li kellu, fejn tidħol l-ekonomija, ċifri, numri, dan lanqas hu kapaċi jmexxi l-Oppożizzjoni aħseb u ara kemm se jkun kapaċi għada pitgħada, il-poplu Malti jafdah biex imexxi Gvern u allura jmexxi lill-poplu Malti.”

Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal li l-baġit għas-sena d-dieħla huwa wieħed li jirrifletti l-qalb soċjali kbira li għandu Gvern Laburista, kif ukoll miżuri ambjentali bla preċedent.

Fakkar li dan huwa baġit li jippremja l-bżulija, jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn, u jħejji lil Malta għall-futur.

“Adrian Delia għażel li jinjora b’mod totali l-baġit fid-diskors tiegħu nhar it-Tnejn li għadda u forsi bir-raġun, għax ma felaħx jara l-iktar baġit b’saħħtu f’ħafna snin, ma felaħx jara l-iktar baġit soċjali li ġie ppreżentat fl-aħħar snin riċenti, ma felaħx jara baġit b’miżuri verament pożittiv fil-qasam tal-ambjent.”

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend