Malta b’tisħiħ fir-rappreżentanza diplomatika u l-promozzjoni tal-kummerċ fl-Amerka, l-Afrika u l-Asja – One News

Notifiki

Malta b’tisħiħ fir-rappreżentanza diplomatika u l-promozzjoni tal-kummerċ fl-Amerka, l-Afrika u l-Asja


Tul l-2020 il-Gvern se jaħdem biex jiftaħ missjoni diplomatika ġdida fl-Amerika ta’ Isfel.

Dan hekk kif Malta m’għandha l-ebda rappreżentanza f’dan il-kontinent u nħasset il-ħtieġa li jiżdiedu l-kuntatti fil-qasam politiku sabiex eventwalment jiġi wkoll iffaċilitat il-kummerċ.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela f’konferenza tal-aħbarijiet marbuta mal-miżuri li ħabbar il-Gvern fil-budget 2020.

Il-Ministru Abela semma’ kif dan huwa eżempju ta’ kif Malta qed tkabbar il-ħidma diplomatika tagħha madwar id-dinja.

Ħidma diplomatika li fl-aħħar xhur rat il-ftuħ ta’ Kummissjoni Għolja ġewwa l-Ghana.

Il-Ministru Abela spjega li “Aħna bħala Ministeru nħarsu lejn il-ftuħ ta’ ambaxxata bħala investiment li l-pajjiż qed jagħmel mhux biss mill-aspett politiku-diplomatiku imma iktar importanti mill-aspett kummerċjali.”

Is-sena d-dieħla wkoll il-Gvern se jkompli għaddej bil-ħidma biex pajjiżna jikseb siġġu mhux permanenti fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda għas-snin 2023 u 2024. F’dan l-isfond se tissaħħaħ l-Ambaxxata Maltija fi New York kemm biex tissaħħaħ l-infrastruttura kif ukoll ir-riżorsa umana.

Il-Ministru Abela qal ukoll li tul is-sena li ġejja pajjiżna se jiftaħ ambaxxata Maltija wkoll fil-kapitali Ġappuniża Tokyo.

Dan hekk kif fl-aħħar snin issaħħew sew ir-relazzjonjiet bejn iż-żewġ pajjiżi, tant li pajjiżna fl-aħħar sena rreġistra surplus kummerċjali ta’ €83 miljun fil-kummerċ mal-Ġappun filwaqt li ċifri juru żieda qawwija fit-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi.

“Għandna trade balance favur Malta meta wieħed jara kemm nimpurtaw u nesportaw diġà hemm suċċess li qed naraw li pajjiżna għandu vis-a-vis l-Ġappun. Anke s-settur turistiku qed jibbenefika u qed iżid”, sostna l-Ministru Abela.

Fejn tidħol l-Afrika ta’ Fuq, il-Ministru Abela qal li l-Gvern tefa’ ħarstu għal ftuħ ta’ konsolat fil-Marokk. Huwa maħsub li din tkun tista’ tibda topera fl-2020.

Il-Ministru Abela qal li bil-ftuħ ta’ rappreżentanzi diplomatiċi f’postijiet li s’issa Malta ma kellhiex rappreżentanza qabel, qed iservi f’iżjed għajnuna konsolari lill-Maltin u lill-kommunità kummerċjali.

B’hekk il-Gvern mhux biss qed jippremja l-bżulija iżda qed jiffaċilità biex il-Maltin ikomplu jiksbu suċċess, anke barra minn Malta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend