Investiment ta’ €3.8 miljun f’tal-linja b’xejn għal diversi faxex tas-soċjetà – One News

Notifiki

Investiment ta’ €3.8 miljun f’tal-linja b’xejn għal diversi faxex tas-soċjetà

Tul is-sena d-dieħla l-Gvern se jinvesti kważi €4 miljun sabiex isostni t-trasport pubbliku b’xejn għal anzjani ta’ iktar minn 75 sena, żgħażagħ ta’ bejn l-14 u l-20 sena kif ukoll persuni b’diżabilità.

Ħabbar dan il-Ministru Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri tal-budget fit-terminus tal-karozzi tal-linja fil-Belt.

Dan bħala parti mill-impenn li fil-futur it-trasport pubbliku jkun b’xejn għal kulħadd.

Il-Ministru Borg qal li l-budget fih 171 miżura bħala parti minn viżjoni sostenibbli u soċjali.

Il-Ministru Ian Borg stqarr: “Rajna kif ser inkunu qed inkomplu nsaħħu t-trasport pubbliku li llum jużawh ammont ta’ nies rekord billi nagħtu wkoll lill-anzjani tagħna il-miżuri b’xejn. Irridu naraw iktar trasport bil-baħar li jniġġes inqas u ma jkollokx konġestjoni bih. L-infrastruttura li qed nibnu, mhux biss għal karozzi, mhux biss nindirizzaw il-bottlenecks imma anke infrastruttura għal min irid isuq ir-rota u min irid jimxi.”

Qal li fl-aħħar sena l-karozzi tal-linja għabbew aktar minn 53 miljun passiġġier fl-aħħar sena, żieda ta’ 60% fuq l-2011. Fl-isfond taż-żieda fil-patrunaġġ, il-Ministru Borg elenka iż-żieda ta’ 40 karozza tal-linja ġdida kif ukoll żieda fir-rotot u l-frekwenzi.

Dan bħala parti minn viżjoni għal trasport alternattiv li tnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u li ttejjeb il-kwalità tal-arja. Din se tkun mgħejjuna wkoll minn skemi li se jitkomplew u li jagħtu eżenzjoni mit-taxxa tar-reġistrazzjoni għal min jibdel il-vettura għal waħda li tniġġes inqas, filwaqt li fakkar fil-miżura mħabbra fil-budget dwar tariffi orħos tad-dawl għal min jiċċarġja vettura elettrika d-dar.

Dwar l-infrastruttura, Dr. Borg qal li dan il-Gvern investa fit-toroq iktar mill-gvernijiet preċedenti kollha.

Qal li fl-ewwel sena mill-proġett ta’ €700 miljun fil-bini mil-ġdid ta’ toroq residenzjali, diġà beda’ jitħalla l-frott b’numru ta’ toroq lesti.

Kompliet ukoll il-ħidma fuq proġetti infrastrutturali medji u maġġuri. Ħidma li se tirranka tul l-2020, fejn fost l-oħrajn il-proġett tal-Junction fil-Marsa se jitlesta’ ferm qabel mistenni u se jinbeda l-proġett tal-mini f’Pembroke.

Mhux biss ser inkunu qegħdin nagħtu lin-nies il-proġett tant mistenni tal-Marsa li diġà bdew jaraw il-frott tiegħu u s-sena d-dieħla jkun komplut u se jkun qed jinħass u jinħass ħafna imma anke proġetti oħrajn. Il-mini ta’ Santa Luċija, is-Central Link, l-Imsida Creek fejn għandek problemi ta’ konġestjoni u direzzjonijiet differenti. Dan kollu jimla lin-nies b’ottimiżmu”, sostna l-Ministru Borg.

Il-Ministru elenka wkoll l-iskemi li l-Awtorità tal-Ippjanar wettqet fl-aħħar xhur, fosthom il-fond għall-ippjanar tal-iżvilupp amministrat mill-kunsilli lokali, l-iskema Irrestawra Darek u l-iskema tal-fidi taċ-ċnus, li ftit jiem diġà rat iktar minn 150 applikazzjoni.

Fakkar ukoll fil-proġett ta’ tal-park nazzjonali f’Ta’ Qali b’investiment ta’ €20 miljun li se jara 450,000 metru kwadru jinbidlu fi spazju miftuħ għal kunċerti kif ukoll għall-camping, filwaqt li se jara l-ħolqien ta’ trakka ta’ 4 kilometri għal ġiri.

Fakkar kif dan il-proġett se jkun ikkumplimentat bit-tħawwil ta’ 80,000 siġra, f’dan l-ikbar proġett ta’ tħaddir f’pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend