Il-Parlament approva b’mod unanimu mozzjoni li fiha jiġi ddikjarat stat ta’ emerġenza fil-klima.
Dan wara l-Kamra appoġġjat emendi tal-Gvern għall-mozzjoni tal-Oppżizzjoni dwar emerġenza fil-klima.
Il-mozzjoni għaddiet wara li l-Parlament għaraf l-impenn sħiħ tal-Gvern Malti li kien fost l-ewwel minn ftit pajjiżi li daħħal qafas leġislattiv dwar it-tibdil fil-Klima fl-2015. Att li ddaħħal bi qbil unanimu tal-Kamra.
Waqt li kien qed jippreżenta l-mozzjoni kif emendata mill-gvern, il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ħabbar li l-fost l-emendi, hemm li jinbidel l-isem tal-kumitat propost mill-Oppożizzjoni.”
“Il-Parlament ta’ Malta permezz ta’ din il-mozzjoni qiegħed b’mod kollettiv jiddikjara Emergenza jew Krizi Klimatika. Il-Gvern ser jibqa’ impenjat sabiex ikompli jwettaq il-miżuri u l-azzjonijiet idonji kontra l-impatt u l-effetti tat-tibdil fil-Klima. Illi jsiru l-emendi necessarji fil-liġijiet ta’ Malta fejn jinbidel l-isem tal-Kumitat Permanenti Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp għall-‘Kumitat Permanenti Parlamentari dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp”, qal il-Ministru Herrera.
Permezz tal-emendi li saru għall-mozzjoni oriġinali mressqa mill-Oppożizzjoni, il-mozzjoni ssaħħet biex filwaqt li baqgħet titkellem fuq il-bżonn li nirriafermaw emerġenza dwar il-klima, tħares ukoll lejn il-miżuri li jridu jittieħdu biex il-pajjiż ikun effettiv fil-mod kif jindirizza din l-isfida.
Barra minn hekk il-mozzjoni tirriafferma diversi miżuri tal-baġit li sa nofs is-sena 2020 tiġi dikjarata d-data sa meta pajjiżna iwaqqaf l-importazzjoni ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwil li jniġġes, li jiżdiedu l-ispazji miftuħa u li jitwettqu iktar proġetti ta’ afforestazzjoni fost oħrajn.