Se tinbena faċilità biex jiġi ttrattat aħjar skart goff – One News

Notifiki

Se tinbena faċilità biex jiġi ttrattat aħjar skart goff

B’investiment ta’ aktar minn €21 miljun – 17 minnhom Fondi Ewropej – dik li sal-lum kienet art abbandunata f’Ħal Far, se tinbidel f’faċilità tal-ogħla livell li se tittratta tipi ta’ skart li sa issa kienu jintefgħu fil-miżbla bla ebda proċessar.

Mifruxa fuq seba’ tomniet ta’ art, dik li qed tissejjaħħ bħala multi material recovery facility, se ttejjeb l-effiċjenza fl-immaniġġjar tal-iskart.

Iċ-Chairman tal-Wasteserv David Borg, spjega li fost l-iskart li se jiġi pproċessat f’din il-faċilità hemm injam, saqqijiet, ħġieġ, tgħammir elettroniku u tyres.

Borg stqarr: “Dan aħna se ngħaqqduh kollu u flok tunnellati kbar ta’ skart bħal saqqijiet, injam, gypsum boards, li jintremew fil-miżbla, dan l-impjant se jkun qed jirriċiklah, jippakkjah, u jesportah bi qligħ.”

Ġaladarba jkun lest, il-post se jiflaħ sa 20,000 tunellata ta’ skart. Ix-xogħol ta’ skavar diġà beda, u l-proġett kollu mistenni jkun lest fi żmien sentejn.

Il-Perit Jean Luke Zarb spjega kif se jiġi sfruttat il-potenzjal tal-użu massimu ta’ din l-art.

Il-Perit Zarb qal:“Ħa nkunu qed niskavaw taħt l-art biex nużawh bħala storage, ħa nkunu qed nagħmlu l-faċilità fuq il-livell tal-ground floor, u se nużaw ukoll il-bejt, biex nistorjaw il-materjal li ħa nkunu qed nisseparaw u ħa nipproteġuhom b’canopy li se tkun qed tevita li l-elementi tat-temp ma jxekklux il-kwalità tal-materjal.”

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li l-Gvern huwa kommess u determinat li jħaddem politika ta’ ekonomija ċirkolari, u biex iħaddima jrid jindirizza l-iskart b’mod modern.

Il-Ministru Herrera sostna: “Dan il-proġett t’hawnhekk se jindirizza l-problema li sa issa ma kinitx indirizzata biżżejjed ta’ ċertu materjal li kien qed jispiċċa ġol-miżbla jew jiġi esportat bi flus kbar jiġifieri bulky waste, mattresses u affarijiet simili u issa jiġu hawnhekk ħa jkollna ħafna sulari, se jiġi separat imbagħad jiġi riċiklat.”

Il-Ministru Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia saħqu li dan il-proġett se jgħin biex jintlaħqu l-miri Ewropej fis-settur.

Qalu wkoll li fil-budget li għadu kif tħabbar hemm numru ta’ proġetti li bihom il-Gvern wera l-istrateġija ċara tiegħu fejn jidħol l-iskart.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend