LifeCycle tappoġġja pazjenti tal-kliewi għall-Pellegrinaġġ ta’ Lourdes – One News

LifeCycle tappoġġja pazjenti tal-kliewi għall-Pellegrinaġġ ta’ Lourdes

Għal dawn l-aħħar disa’ snin, il-Fondazzjoni LifeCycle Malta appoġġjat ta’ kull sena lill-pazjenti tal-kliewi biex jingħaqdu mal-pellegrinaġġ ta’ Lourdes. Din is-sena, 13-il pazjent kienu assistiti minn żewġ tobba, erba’ renal nurses u żewġ saċerdoti li flimkien ma’ pellegrini oħra ngħaqdu fuq vjaġġ lejn Lourdes. Dan il-pellegrinaġġ minn Malta jkun organizzat kull sena mill-Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes.

Waqt li kien f’Lourdes, il-grupp ħa sehem f’ċerimonji reliġjużi, inkluż il-quddiesa internazzjonali, l-adorazzjoni tal-Ewkaristija Mqaddsa u kellhom opportunitajiet li jirċievu s-Sagramenti fosthom il-Griżma tal-Morda, iżuru l-Piscines (Banjijiet) kif ukoll żjarat fil-Grotta magħrufa internazzjonalment

“Madwar erba’ xhur qabel it-tluq, nibdew nippjanaw għall-bżonnijiet tal-pazjenti.  Din hi ħidma li tinvolvu ħafna organizzazzjoni. F’Lourdes, il-pazjenti xorta jkollhom bżonn jibqgħu għaddejjin bil-kura tal-haemodialysis, u għalhekk ikollna bżonn niżguraw li kull kura personali u prattika tkun disponibbli,” qalet Josette Parnis, Renal Unit Head Nurse fl-Isptar Mater Dei.

“Minbarra li nipprovdulhom appoġġ terapewtiku kif ukoll spiritwali, grazzi għall-Fondazzjoni LifeCycle u l-isponsors tagħha, dan il-pellegrinaġġ joffri l-opportunità li jivvjaġġaw u jkollhom ħin ta’ kwalità aħjar,” żiedet is-Sinjura Parnis.

Il-Fundatur tal-LifeCycle Alan Curry qal: “Hu diffiċli għal persuni li jbatu bil-kliewi li jivvjaġġaw weħidhom. Bis-saħħa tal-persunal mediku li jakkumpanjahom, il-pazjenti tal-kliewi għandhom is-serħan tal-moħħ li xorta jistgħu jirċievu l-kura meħtieġa meta jkunu f’Lourdes, waqt li jibbenefikaw minn din l-esperjenza. Ninsabu fiduċjużi li l-appoġġ annwali tagħna hu ta’ benefiċċju kbir għalihom.”  Il-Fondazzjoni LifeCycle ilha għal dawn l-aħħar 21 sena tagħmel din il-ħidma tant bżonjuża għall-pazjenti tal-kliewi kif ukoll għall-familji tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *