L-Artrite mhux biss tolqot persuni kbar fl-età – One News

Notifiki

L-Artrite mhux biss tolqot persuni kbar fl-età

L-Artrite.

Kundizzjoni li fiha nfisha tinkludi mal-200 sintomu differenti u li madwar id-dinja taffettwa 1.7 biljun persuna.

F’Malta 60,000 ruħ isofru minn din il-kundizzjoni u għal-kuntrarju ta’ dak li bosta jaħsbu; li l-artrite ġeneralment tolqot nies imdaħħla fl-età, fil-Parlament waqt konferenza nazzjonali dwar l-artrite, intqal kif din il-kundizzjoni tolqot ukoll tfal ta’ età żgħira, kif ukoll nies ta’ mezza età.

Dwar dan tkellimna propju ma’ Roderick Agius li waqt il-konferenza kellu ċ-ċans ukoll jaqsam l-esperjenza personali tiegħu b’dik li tissejjaħ Psoriatic arthritis. Kundizzjoni li ħarġitlu meta kellu biss 44 sena.

Agius stqarr: “Bażikament inti li għandek huwa il-jogi, ta’ idejk tal-polz, tal-irkoppa, tal-ispalla li juġawk. Mhuwiex uġigħ li ma jieqafx imma hija skumdita kontinwa.”

Iddeskriva l-agħar ħin għalih matul il-ġurnata u kif din il-kundizzjoni taffetwalu wkoll ħajtu fuq il-post tax-xogħol.

Aguis tenna: “Filgħodu huwa l-għar ħin għall-kundizzjoni tiegħi minħabba li l-ħin fejn uġigħ huwa iżjed minn ħinijiet oħra tal-ġurnata imma umbgħad għandek ukoll l-idea ta’ fatigue. Li inti l-għejja tibda tidħol ukoll minħabba l-kundizzjoni u jiena fir-role tiegħi ma nistax nieqaf mix-xogħol.”

Dwar din il-kundizzjoni u kif taffettwa lil persuni żgħar fl-età is-Sur Agius stqarr li hemm anke trabi ta’ 3 xhur li sfortunatament iħaddnu din il-kundizzjoni.

“Għandek tfal li jbatu minn Juvenile Arthritris. Smajna llum anke tarbija ta’ 3 xhur li qed tbati minn Juvenile Arthritis. Jiena li ġej mill-kamp tal-edukazzjoni allura nista’ nifhem ftit u nimmaġina x’diffikultajiet li jkollhom dawn it-tfal biex jintegraw soċjalment u anke l-impatt fuq il-vjaġġ edukattiv tagħhom”, sostna Agius.

Is-Sur Agius temm jgħid li hemm bżonn iktar kuxjenza dwar din il-kundizzjoni speċjalment kif taffettwa lit-tfal fl-iskola u lill-ħaddiema fuq il-post għax-xogħol.

“Dawn huma l-affarijiet li rridu jkollna fis-soċjetà li rridu nkunu konxji tagħhom ħalli nagħmlu l-ħajja ta’ kulħadd fl-aħħar mill-aħħar, anke min m’għandux din il-kundizzjoni iktar faċli”, temm jgħid Agius.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend