Fil-budget 2020 il-Gvern alloka €753 miljun għall-qasam tas-saħħa – One News

Notifiki

Fil-budget 2020 il-Gvern alloka €753 miljun għall-qasam tas-saħħa

F’konferenza tal-aħbarijiet mis-sensiela “Budget 2020 – Inkomplu Nikbru Flimkien”, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li għas-sena li ġejja, il-Gvern iddedika aktar minn żewġ miljun ewro kuljum għall-qasam tas-saħħa, b’nefqa totali li f’sena tlaħħaq is-753 miljun ewro. Aktar mid-doppju ta’ kemm kienu ġew ivvutati flus fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista.

Fost id-diversi proġetti maħsuba għaż-żmien li ġej, il-Ministru Fearne semma kif fi ftit ġimgħat oħra mistenni jibda x-xogħol ta’ skavar għall-proġett ta’ 175 miljun għall-binja tal-Outpatients ġdida fl-Isptar Mater Dei.

Il-proġett, li se jinkludi parkeġġ ta’ żewġ livelli għal aktar minn 600 karozza, mistenni jkun lest sas-sena 2025.

Dwar il-kura primarja, id-Deputat Prim Ministru elenka bosta proġetti fosthom iċ-ċentru reġjonali f’Raħal Ġdid, Hub Reġjonali fit-Tramuntana tal-pajjiż, u ċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex.

Fakkar kif il-Gvern għaddej bi proġett ta’ 3 snin li permezz tiegħu kull belt u raħal ikollhom ċentru kliniku mgħammar b’iżjed servizzi milli joffru l-bereġ illum.

Fejn tidħol is-saħħa mentali, għaddej ix-xogħol biex fiż-żmien li ġej jibda jinbena sptar psikjatriku ġdid biswit Mater Dei. Proġett ta’ 5 miljun li mistenni jkun lesta fl-2023.

Chris Fearne tkellem ukoll dwar ix-xogħlijiet li għaddejin fuq żewġ blokok fl-Isptar Mater Dei.

Id-Deputat Prim Ministru stqarr: “Nafu li hemm problema tas-soqfa. Hija blokka ta’ żewġ sulari li ilna li battalna u qed jinbidlu s-soqfa se jkunu swali kompletament ġodda. Imbagħad hemm blokka oħra li qed niżvujtaw baqa’ l-aħħar ftit pazjenti biex ikunu rrilokati fi swali oħra u l-pjan tagħna hu li din il-blokka li hija barra mill-binja prinċipali ta’ Monte Karmeli eventwalment titwaqqa’, titneħħa, u minflokha jsir ġnien terapewtiku li minnu jibbenefikaw il-pazjenti tagħna.”

Il-budget għal mediċini ġodda tela’ għal rekord ta’ 18-il miljun ewro, u hawnhekk issemmew diversi mediċini ġodda li se jiddaħħlu fil-formularju tal-Gvern fiż-żmien li ġej.

Chris Fearne semma l-miżuri tal-ħlas tal-bolol għall-ġenituri ta’ tfal b’mard rari, żieda fil-kundizzjonijiet li se jikkwalifikaw għall-benefiċċju tal-mard, u ħlas tas-sick leave għall-persuni li jkunu qegħdin jieħdu t-trattament tal-kanċer.

Semma wkoll il-pjan tal-Gvern fejn tidħol teknoloġija ġdida, fosthom bis-sistema tar-robotika fl-isptarijiet.

Aktar minn hekk, il-Gvern se jara li juża l-intelliġenza artifiċjali biex jipprevjeni l-mard.

“L-ewwel sistema li ħa tidħol is-sena d-dieħla għat-tfal li għandhom id-dijabete biex inkunu nistgħu nagħmlu monitoring, f’dan il-każ tal-livell taz-zokkor, b’mod kontinwu, biex jekk ikun hemm problema nindunaw biha kmieni u noffru l-kura kmieni ħafna”, temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.

Id-Deputat Prim Ministru temm jgħid li dan il-budget huwa pass ieħor fid-direzzjoni fejn dan il-Gvern irid jieħu lis-settur tas-saħħa fil-futur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend