BIL-FILMAT: Arrestati l-imħuħ wara l-irvell fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Far – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Arrestati l-imħuħ wara l-irvell fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Far

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia kkonferma li fl-aħħar sigħat ġew arrestati l-imħuħ wara l-irvellijiet li saru matul il-lejl fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Far. 
F’intervent telefoniku waqt il-programm TEMI fuq ONE RADIO, il-Ministru Farruiga qal li kienu għall-ħabta tal-11.00 a.m. li l-Pulizija daħlu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni u identifikaw u arrestaw lill-persuni li qajmu l-istorbju.

Il-Ministru Farrugia għamilha ċara li kien hemm bosta esaġerazzjonijiet f’għadd ta’ rapporti fil-midja lokali u qalu li fl-istorbju ħadu sehem 300 ruħ u mhux 1,200 ruħ kif ġie rrapportat.

Tenna li l-Pulizija identifikat l-imħuħ wara dan l-istorbju u qegħdin isiru l-arresti tal-persuni li mexxew u ħeġġew lil ħaddieħor biex jipparteċipa f’dan l-irvell.

Sostna li bħalissa għaddejja tfittxija għal xi affarijiet illeċiti li setgħu intużaw f’dan l-istorbju u sostna li qed jgħarralu min jaħseb li jista’ jiġi Malta u jagħmel li jrid. Saħaq li l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd u trid tiġi rrispettata.

Huwa żied jgħid li l-Pulizija elevat ukoll bosta filmati minn cameras tas-sigurtà waqt li persuni oħra fuq il-post identifikaw lill-persuni li mexxew dan l-istorbju.

“Se nkunu qed naraw li min kien wara dan l-irvell jiġi investigat u jitressqu l-qorti”, qal il-Ministru Farrugia waqt li sostna li l-Gvern mhux se jittollera li jinqabeż il-limitu tal-protesti paċifiċi li jistgħu jsiru f’kull pajjiż demokratiku.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend