Arrestati 60 immigrant li allegatament instigaw l-inkwiet f’Ħal Far – One News

Notifiki

Arrestati 60 immigrant li allegatament instigaw l-inkwiet f’Ħal Far

Il-Pulizija arrestaw 60 immigrant fil-biċċa l-kbira tagħhom Sudaniżi, wara li tard il-Ħadd filgħaxija qalgħu l-inkwiet fiċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far.

L-immigranti rvellaw għall-ħabta tal-10:30 tal-Ħadd filgħaxija meta immigrant li kien fis-sakra ma tħallix jidħol fiċ-ċentru miftuħ mill-uffiċjali tas-sigurtà.

L-immigrant flok ma obda l-ordnijiet, għajjat lil sħabu li rreaġixxew billi inċitaw madwar 300 immigrant li qajmu argument quddiem iċ-Ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.

Ħaddiem tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li Jfittxu l-Ażil, l-AWAS qal li dan kien l-stess grupp li ħoloq inkwiet simili fl-aħħar ġimgħat fiċ-ċentru tad-detenzjoni f’Ħal Safi. Qal li kollox deher li kien ippjannat u tenna li skont ir-regolamenti taċ-ċentru, ħadd minnhom ma jista’ jitħalla jidħol f’dak l-istat.

Irrakonta kif l-immigranti bdew jitfghu l-ġebel lejn il-ħaddiema.

Hawnhekk l-uffiċjali tal-AWAS li jieħdu ħsieb iċ-ċentru li jilqa’ fih mal-1,300 immigrant, sejħu lis-suldati u lill-pulizija biex jikkontrollaw l-immigranti u jżommuhom milli jkomplu jkissru.

Mallu waslu fuq il-post, il-Pulizija sabu grupp kbir ta’ immigranti jipprotestaw fuq ġewwa u barra tal-kumpless.

Sorsi fuq il-post qalu lil ONE News li l-immigranti ma aċċettawx id-deċiżjoni bil-kelma t-tajba u bdew jissottaw xi ġebel fil-konfront tal-pulizija u l-karozzi tagħhom. Dan bil-konsegwenza li uffiċjal tal-AWAS weġġa’ ħafif.

Fl-istess waqt numru kbir ta’ immigranti dehru jidħlu fil-kmamar taċ-ċentru, jaqilbu affarijiet, bħal siġġijiet u jaħarqu dak kollu li ġie għal idejhom.

L-immigranti taw in-nar ukoll 5 karozzi tal-uffiċjali tad-detenzjoni, membri tal-AWAS u karozza privata. Huma ħarqu wkoll żewġ kmamar fiċ-ċentru miftuħ.

Matul il-jum, il-Pulizija elevat bosta filmati minn kameras tas-sigurtà li permezz tagħhom identifikaw l-imħuħ li mexxew dan l-istorbju u ħeġġew lil ħaddieħor biex jipparteċipaw f’dan l-irvell.

Kien għall-ħabta tal-11:00 ta’ filgħodu l-pulizija daħlu fiċ-ċentru miftuħ u arrestaw lill-immigranti.

Fil-post saret ukoll tfittxijiet għal xi affarijiet perikolużi li setgħu intużaw f’dan l-irvell.

Il-Ministru għall-intern u sigurtà nazzjonali Michael Farrugia qal li numru kbir ta’ immigranti li jgħixu f’dan iċ-ċentru ma ħadux sehem f’dan l-istorja.

Sostna li qed jgħarralu min jaħseb li jista’ jiġi Malta u jagħmel li jrid u saħaq li l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd u trid tiġi rrispettata.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia stqarr: “Meta wieħed jaqbeż il-limitu hemm l-liġi. Jista’ jkun hemm nies lokali u barranin li jxewxu. Se niddetifikaw l-immigranti u jittieħdu passi. Pajjiżna naċċetaw persuni li jkunu fil-periklu imma liġi hemm qiegħda għal kulħadd.”

Intant il-ħaddiema tal-AWAS marru jagħmlu protesta quddiem Kastilja biex jitolbu aktar protezzjoni fuq il-post tax-xogħol fid-dawl tal-irvell fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.

Huma qalu li l-klima kienet ilha tisħon minn filgħodu fiċ-ċentru fejn xi immigranti kienu aggressivi.

Il-ħaddiema qalu li qed iħossuhom mhedda mill-immigranti u jinsabu irrabjati minħabba li għaqdiet mhux governativi qed jagħtu r-riħ lill-immigranti.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ta ħajr lill-ħaddiema tal-AWAS u lill-forzi tal-ordni għax-xogħol tagħhom filwaqt li esprima solidarjetà ma’ dawk li sofrew danni materjali jew fiżiċi.

Il-Ministru ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema u ġie miftiehem li Tlieta ssir laqgħa bejn il-GWU, l-amministrazzjoni tal-AWAS u l-ministeru biex ikunu diskussa aktar dettalji speċifiċi.

Il-Ministeru ppreċiża li fl-aħħar sentejn saru diversi laqgħat ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema li anke wasslu għal ftehim kollettiv ġdid u għal investiment f’aktar riżorsi umani.

Ara wkoll:

BIL-FILMAT: Arrestati l-imħuħ wara l-irvell fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Far

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend