Żagħżugħ Serb ta’ 22 sena ingħata l-libertà provizorja fuq diversi kundizzjonijiet, wara li tressaq il-Qorti akkużat li kellu d-droga fil-karozza tiegħu.
Iż-żagħżugħ kien arrestat is-Sibt filgħodu meta uffiċjali tal-Pulizija mill-Administrative Law Enforcement raw karozza ssuq b’veloċità eċċessiva.
Is-sewwieq intalab jieqaf iżda minflok żied il-veloċità u pprova jaħrab, iżda ġie arrestat ftit wara meta ħabat f’karozza li kienet ipparkjata.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Colin Sheldon mill-Għassa ta’ Tas-Sliema, qalet kif Lazar Mitic kien qed isuq bla liċenzja u fil-karozza nstabu sbatax-il qartas ta’ kannabis, għoxrin pillola ecstasy u seba’ qratas kokaina.
Is-Serb ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ ħamest elef ewro u garanzija personali ta’ ħmistax-il elf ewro.
Huwa jrid jiffirma kuljum fl-għassa, u jkun id-dar sal-ħdax ta’ filgħaxija.
Għall-akkużat dehru l-avukati Veronique Dalli u Dean Hili.