Is-sieħba tal-ex Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil Kristina Chetcuti fetħet attakk qawwi fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u mhux biss akkużatu li mhux qiegħed jagħmel xogħlu, jiġifieri li jopponi l-Gvern, iżda li dan ma jistax jagħmlu minħabba l-passat maħmuġ ħafna li għandu .
Chetcuti qalet dan f’artiklu ppubblikat il-Ħadd filgħodu f’The Sunday Times wara li l-Erbgħa li għadda ħadet sehem mal-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil fil-mixja li saret minn Occupy Justice fil-Belt biex ifakkru s-sentejn mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Matulha bosta deputati mill-fazzjoni ta’ Busuttil dehru jċapċpu kemm jifilħu meta waħda mill-kelliema ħeġġet lill-folla biex tikkritika b’qawwa lill-Oppożizzjoni.
Appell li ntlaqa’ sew mis-sieħba tal-ex Kap Nazzjonalista li fl-ewwal artiklu tagħha minn dan l-appell, tenniet li f’pajjiżna m’għandniex oppożizzjoni. Anzi qalet li għandna waħda iżda qiegħda tgħix f’dik li sejħet La La Land bubble, jiġifieri maqtugħa mir-realtà.
Qalet li l-Erbgħa li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għaffiġha meta mar quddiem dak li sejħet bħala l-mafkar ta’ Caruana Galizia fil-Belt u ħasbu l-qabar tagħha. Qalet li Delia mar ma’ balla rġiel bl-ingravata u bil-cameras warajh biex f’parenteżi jsellmu l-memorja tagħha.
Is-sieħba ta’ Busuttil qalet li huwa ċar li Delia mhux jifhem.
Kitbet li Delia mhux qiegħed jirrealizza li l-protesti li qegħdin isiru huma kontrih ukoll. Dan għax skont is-sieħba ta’ Busuttil, Delia mhux qiegħed jagħmel xogħlu, jiġifieri li jopponi u agħar minn hekk qaltlu li għandu ‘too much dodgy baggage’, jiġifieri ħafna ħmieġ warajh biex ikun jista’ jagħmel xogħlu sew.
Ħmieġ li fit-tellieqa għall-Kap ġdid Nazzjonalista, Busuttil kien iddikjara li kieku hu kien flok Delia kien jirtira l-kandidatura tiegħu minħabba s-serjetà u l-gravità tal-akkużi li għamlitlu Caruana Galizia.
Fl-artiklu tagħha, Chetcuti qalet li jekk xi ħadd madwar Delia, inkluż l-ex Minsitru Louise Galea, jgħidlu x’qiegħed jiġri barra mill-bozza li qed jgħix fih, dan ifisser li kollha kemm huma għandhom isibu passatemp ieħor flok jibqgħu jakkapparaw karigi demokratiċi kruċjali.
Irriferiet għal dak li qalet li qalilha ħabib tagħha, jiġifieri li jinsab diżappuntant bis-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalsita. Hija kwotatu jgħid li peress li m’għadx għandu xahar f’rasu, bil-mod qed iħossu li sar eremita f’daru stess. L-istess kif qalet li qed tħossha hi llum il-ġurnata.
Hija żiedet tgħid li Delia mhux jirrappreżenta l-aqwa interessi tagħha għax mhux iħares il-ġid komuni. Qalet li sakemm ikollna Oppożizzjoni li tagħmel dan, se jibqgħu jagħmlu pressjoni bla waqfien.