Illum jiftaħ l-istaġun tal-insib tal-ħarifa għall-malvizz – One News

Notifiki

Illum jiftaħ l-istaġun tal-insib tal-ħarifa għall-malvizz

Fi stqarrija, l-Gvern permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali ħabbar il-ftuħ tal-istaġun tal-insib tal-ħarifa għall-pluviera u l-malvizz u dan wara li l-gvern evalwa r-rakomandazzjonijiet tal-ORNIS. L-istaġun tal-malvizz ser jiftaħ illum il-Ħadd 20 ta’ Ottubru 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019, iż-żewġ dati inklużi, filwaqt li l-istaġun tal-insib għall-pluviera jiftaħ fl-1 ta’ Novembru 2019 sal-10 ta’ Jannar 2020, iż-żewġ dati inklużi, dment li l-kwoti nazzjonali jkunu għadhom ma ntlaħqux.

L-istaġun tal-insib għal dawn iż-żewġ speċi ser jiftaħ permezz ta’ deroga, skont il-Qafas Regolatorju L.S. 549.74. L-insib għall-malvizz u l-pluviera ser ikun awtorizzat biss għal dawk in-nassaba kollha li rċivew il-Liċenzja Speċjali tal-2019 minn imnasab reġistrati għal dan l-istaġun, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx. Il-kwota nazzjonali hija ta’ 5,000 malvizz u 700 pluviera. Mhux ser ikun hemm kwoti individwali tal-ġurnata jew kwoti individwali tal-istaġun.

Kull nassab huwa legalment obbligat jirrapporta xi jkun qabad immedjatament, kif spjegat fil-liċenzja speċjali. L-istaġun għall-ispeċi rilevanti jingħalaq la darba tinlaħaq il-kwota ta’ dik l-ispeċi. Tali kwota hija skont kif mitlub mid-Direttiva tal-Għasafar u għandha tiġi rispettata sabiex ikun aċċertat li d-deroga tiġi implimentata b’mod korrett.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend