Sistema robotika tinġieb Malta biex tintuża waqt interventi mediċi fl-isptar Mater Dei – One News

Notifiki

Sistema robotika tinġieb Malta biex tintuża waqt interventi mediċi fl-isptar Mater Dei

Il-Gvern għaddej bl-aħħar preparamenti biex fil-jiem li ġejjin jimporta sistema robotika bl-isem daVinci Xi biex tibda’ tintuża mill-kirurgi waqt operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei. L-apparat se jkun esportat minn Milan fl-Italja wara li dan inxtara mill-kumpanija Taljana AB Medica. Dan grazzi għal investiment ta’ żewġ miljun u mitejn elf ewro.

L-apparat li se jinġieb Malta fih tliet partijiet separati. Wieħed li se jkollu aċċess għalih il-kirurgu li jmexxi l-operazzjoni, parti oħra li se tagħti stampa ċara ħafna permezz ta’ screen tal-intern tal-pazjent, u t-tielet parti tikkonsisti f’erba’ jdejn li se jgħinu lit-tobba jmexxu l-intervent.
ONE News tkellem mal-Inġinier Chris Attard Montalto li kien fost professjonisti oħra fil-qasam li fl-aħħar jiem ingħataw taħriġ fl-Italja dwar kif titħaddem is-sistema.
Qal li bis-sistema robotika, l-intervent mediku se jkun inqas invażiv fuq il-pazjent.

Spjega kif dan ifisser “Nagħmlu biss toqob żgħar fil-pazjent u din il-magna għandha l-istrumenti kollha biex jaqtgħu il-biċċiet tal-bniedem li huma cancerous.”

Dan kollu se jwassal għal anqas trawma fuq il-ġilda tal-pazjent , se tnaqqas ir-riskju li jkun hem bżonn xi trasfużjoni tad-demm, u se tnaqqas l-ammont ta’ żmien li l-pazjent ikollu bżonn idum rikoverat l-isptar. Il-makkinarju jista’ jaħdem mingħajr konnettività tal-internet, u jista’ jibda’ jaħdem wara 20 sekonda biss mindu jinxtegħel.

Dan l-apparat mhux se jieħu post il-kirurgu jew xi membri oħra mit-tim mediku fl-operazzjoni, tant li l-kumpanija AB Medica, li mexxiet it-taħriġ tal-professjonisti Maltin, tirrakkomanda li mal-makkinarju jkun hem minn tal-anqas ħames persuni jassistu fl-operazzjoni.

Qal kif “Huwa mezz meraviljuż immens li l-kirurgu se jikkontrolla l-istrument mingħajr ma jkun ħdejn il-pazjent u l-intervent ikun minimu. Ir-recovery tal-pazjent ukoll se jkun qasir ħafna.”
Dan filwaqt li l-isptar stess se jiffranka spejjeż ta’ okkupazzjoni ta’ sodod u anke spejjeż ta’ vjaġġar f’ċertu każijiet fejn il-pazjent u qrabatu jkollhom jintbagħtu barra minn Malta għall-kura.
L-Inġinier Attard Montalto spjega wkoll kif din is-sistema robotika se tkun introdotta lill-pazjenti Maltin.

Spjega kif “Il-focus huwa Urology, per eżempju pazjent li għandu kanċer tal-prostata, minflok niftħuħ, nużaw din is-sistema biex nagħmlu xi toqob fl-abdomen tal-pazjent u titneħħa l-prostata.”
Fl-istess ħin it-taħriġ dwar is-sistema lil tobba, infermiera, kirurgi u anastetistiċi Maltin se jkompli.

Qal li “Għandha ftehim mal-kumpanija li tipproduċi l-magna biex ikunu magħna mentoring għall-ewwel sena biex is-surgeons kollha jitgħallmu jħaddmu s-sistema. “

Il-ħsieb hu li f’Jannar dan l-apparat robotiku jibda jopera bil-Gvern ikun jista’ jixtri sett ieħor ta’ dan il-makkinarju bl-istess prezz jekk id-domanda tiżdied.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend