Filwaqt li ssoktaw il-protesti fil-Belt ta’ Barċellona wara deċiżjoni ta’ Qorti Spanjola li tibgħat il-ħabs disa’ separatisti katalani, il-Belt kapitali taċ-Ċili ukoll tinsab maħkuma minn protesti kbar. Il-belt ta’ Santiago tinsab fi Stat ta’ Emerġenza wara li żieda fil-prezzijiet tal-metro waslu għal protesti kbar li spiċċaw vjolenti. Dan hekk iktar kmieni dan ix-xahar, il-Gvern taċ-Ċili ħabbar li fis-siegħat li fihom l-iktar isir użu mit-trasport, l-prezz tal-vjaġġ kellu jiżdied b’dollaru u sbatax il-ċenteżmu.
Id-dimostranti, li l-maġġoranza tagħhom huma studenti tal-iskola u tal-università li l-iktar jagħmlu użu mis-servizz, bdew jattakkaw bosta stazzjonijiet tal-underground, ikebsu nirien u jimblukkaw it-traffiku filwaqt li ħallew ħsarat kbar madwar il-Belt. Minħabba l-protesti bosta persuni spiċċaw ukoll bla servizzi ta’ trasport.
Ritratti fil-midja internazzjonali juru d-dimostranti żgħażagħ jattakkaw vetturi tal-pulizija, iwadbu l-ġebel u anke jaħarqu karozza tal-linja. Dan tant li l-pulizija kellhom jagħmlu użu mill-gass tad-dmugħ u l-lembubi sabiex jippruvaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
L-awtoritajiet tal-Metro ħabbru li minħabba l-protesti u l-ħsarat li ġew ikkawżati, s-servizz kien se jieqaf għal minn tal-inqas jumejn.