Illum il-House of Commons mistennija tiddeċiedi d-destin tar-Renju Unit hekk kif se tkun qed tiddeċiedi dwar il-ftehim milħuq bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ingliż dwar Brexit. Din se tkun l-ewwel darba f’seba’ u tletin sena li l-Parlament Ingliż se jiltaqa’ fil-jum tas-Sibt.
Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson bħalissa jinsab f’ġirja kontra l-ħin biex isib appoġġ biżżejjed biex dan il-ftehim jgħaddi mill-Parlament Ingliż.
Fil-fatt qatta’ l-jum tal-Ġimgħa f’kuntatt ma’ membri parlamentari li jrid jikkonvinċihom jivvutaw għal ftehim li laħaq.
Il-midja qed tirraporta kif filwaqt li hemm numru sostanzjali ta’ membri parlamentari li jidhru li se jappoġjaw dan il-ftehim hemm numru ieħor li se jipproponu emenda li tista’ twassal sabiex Brexit ikun pospost sal-bidu tas-sena d-dieħla. Filfatt huwa mistenni li r-riżultat tal–vot ikun qrib ħafna hekk kif il-Gvern ingliż irid minn tal0inqas tlett mija u għoxrin vot favur il-ftehim.
Lejn tmiem is-summit li ra l-ftehim milħuq bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Ingliż dwar BREXIT, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li huwa sodisfatt b’dan il-ftehim li jagħti flessibilità u juri rieda tajba miż-żewġ naħat.