Se jissokta t-tħawwil ta’ siġar f’diversi żoni urbani tal-pajjiż – One News

Notifiki

Se jissokta t-tħawwil ta’ siġar f’diversi żoni urbani tal-pajjiż

Il-Gvern qed jinvesti kważi żewġ miljun ewro sabiex fix-xhur li ġejjin jissokta b’iktar tħawwil ta’ siġar u proġetti ta’ afforestazzjoni fl-ibliet u rħula Maltin.

Qal dan il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri tal-baġit għas-sena d-dieħla.

Il-Ministru Herrera qal li b’dan qed ikompli l-impenn tal-Gvern għat-tħaddir ta’ pajjiżna li jinkludi wkoll iktar minn miljun ewro f’fondi għal proġetti ta’ tħaddir f’żoni urbani u investiment ta’ 2 miljun ewro fit-tkabbir tal-Park Nazzjonali f’Ta Qali.

Ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se tibda inizjattiva ta’ tħaddir fiż-żoni industrijali.

Il-Ministru Herrera spjega:Għandna investiment sostanzjali fejn se nibqgħu għaddejjin bi tħawwil ta’ ħafna siġar u proġetti ta’ afforestazzjoni, mhux biss. Proġetti ta’ rijabilitazzjoni tal-widien tagħna, pero enfasi ukoll dwar li nħaddru ż-żoni urbani.”

Il-Ministru Herrera ta elenku tal-35 miżura mħabbra fil-baġit b’azzjonijiet diretti kontra l-impatt tat-tibdil fil-klima.

Fost dawn, data meta se titwaqqaf l-importazzjoni ta’ vetturi bil-petrol u d-diesel u strateġija biex sal-2050, Malta jsir pajjiż nadif b’industriji li ma jniġġsux u ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Il-gvern se jdaħħal ukoll tariffi orħos għal min jiċċarġja l-karozza elettrika d-dar u jkompli jeżenta mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni lil min jixtri karozza elettrika jew ibrida. Fl-istess waqt se jkompli joffri l-iskema tal-iskrappjar ta’ vetturi qodma. Dan filwaqt li se jiżdiedu ċ-charging pillars għal vetturi elettriċi fit-toroq Maltin.

“Ikkreajna aġenzija ġdida biex issibilna metodi ġodda ta’ kif aħna naħdmu l-iskart u alternattivi ta’ kif niddispondu mill-iskart. Qed ninvestu f’makkinarju ġdid fil-Wasteserv u l-idea hi li l-użu tal-landfill kemm jista’ jkun jonqos u l-iskart nużawh bħala riżorsa. Dan huwa l-kunċett tal-ekonomija ċirkolari”, sostna l-Ministru Herrera.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Deo Debattista li qal li l-Gvern se jinvesti iktar f’makkinarju modern biex inaddaf lil pajjiżna.

Spjega wkoll li se titkompla l-għajnuna lill-kunsilli lokali biex iżommu lil pajjiżna nadif u li se jiżdiedu l-ammonti ta’ kameras biex jaqbdu lil min iħammeġ illegalment.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend