Il-Ministru Ian Borg f’Madrid favur it-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi – One News

Notifiki

Il-Ministru Ian Borg f’Madrid favur it-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttrua u Proġetti Kapitali Ian Borg bħalissa jinsab fuq żjara uffiċjali f’Madrid fejn iltaqa’ mal-Ministru tal-Istat għall-Infrastrututra, it-Trasport l-Akkomodazzjoni Pedro Saura Garcia.

Il-Ministru Borg u l-Ministru Garcia qasmu diversi ideat dwar affarijiet ta’ koperazzjoni u tennew l-appoġġ taż-żewġ pajjiżi għal xulxin. Il-Ministru Borg spejga s-suċċess ekonomiku u t-tkabbir bla preċedent ta’ Malta – kisba li qed tagħtina l-opportunità biex inwettqu investimenti bla preċedent f’numru ta’ setturi, inkluż proġetti fit-toroq, fil-marittimu u fil-komunità. Il-Ministru Saura Garcia faħħar is-suċċess ta’ Malta u għaraf l-opportunitajiet li jistgħu jirriżultaw minnu u minn sfidi oħra li jinsabu fil-futur għal Malta u Spanja.

Il-Ministru Borg żar ukoll l-Uffiċċju tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Spanja fejn iltaqa’ ma s-Sur Julián Núñez, il-Viċi President tal-Konfederazzjoni Spanjola għan-Negozji u l-President ta’ SEOPAN (L-Assoċjazzjoni tal-Kuntratturi u l-Konċessjonarji tal-Infrastruttra) kif ukoll mas-Sur Julián López Milla, is-Segretarju Ġenerali għall-Infrastruttura fil-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi Spanja.

Il-Ministru semma s-setturi tal-marittimu u l-avjazzjoni bħala żewġ industriji importanti għal kwalunkwe ekonomija ta’ gżira li tiddependi fuq il-konnettività. Huwa kompla jispjega li wara ħidma biex jiżgura t-tisħiħ tal-ekonomija tal-pajjiż, il-Gvern mexa għall-pass li jmiss – investiment sħiħ fin-network tat-toroq tagħna – aktar minn €700 miljun għat-toroq residenzjali ta’ pajjiżna u diversi investimenti kapitali fuq numru ta’ bottlenecks u toroq prinċipali fin-network – €64 miljun investiment f’14-il proġett fl-2019 biss.

L-impenn ta’ Malta – bħala Gvern – li jkompli jrawwem relazzjonijiet b’saħħithom ma’ pajjiżi oħra waqt li jaħdem bis-sħiħ biex ikompli jiżgura li investituri barranin ikomplu jibbenefikaw mill-fiduċja li tawna ukoll intlaqa’ tajjeb.

Waqt li kien f’Madrid, il-Ministru Borg żar ukoll il-Guadarrama tunnels u ċ-ċentru tal-kontroll fejn ingħata preżentazzjoni tal-mini, l-operat tagħhom u l-istorja tal-bini ta’ dawn il-mini. Huwa żar ukoll iċ-ċentru għall-kontroll tat-traffiku fil-Madrid Commuter Network – Atocha and Atocha Tunnel – Sol – Chamartin Station.

Il-Ministru Borg kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti Dr Vanni Xuereb, iċ-Chief of Staff tal-Ministeru s-Sur Julian Tabone, l-Inġ. Robert Schembri minn Infrastructure Malta u ċ-Chairman ta’ Property Malta Foundation Sandro Chetcuti.

Ritratti: MTIP

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend