Il-gvern ifakkar il-Jum Ewropew kontra t-Traffikar tal-Bnedmin: l-edukazzjoni formali hija pilastru importanti fl-istrateġija li qed titħejja kontra dan ir-reat – One News

Notifiki

Il-gvern ifakkar il-Jum Ewropew kontra t-Traffikar tal-Bnedmin: l-edukazzjoni formali hija pilastru importanti fl-istrateġija li qed titħejja kontra dan ir-reat

Id-Drama Unit fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni taL-Proċessi Amministrattivi, organizzaw sessjoni ta’ drama edukattiva dwar it-traffikar tal-bnedmin għall-istudenti tas-sekondarja. Is-sessjoni ġiet imtella’ bħala inizjattiva tal-kampanja ‘Uman, Bħalek’, il-kampanja edukattiva organizzata mill-gvern dwar it-traffikar tal-bnedmin.

Dawn is-sessjonijiet bdew matul din il-ġimgħa, hekk kif fit-18 ta’ Ottubru, l-gvern Malti ngħaqad ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Ewropew kontra t-Traffikar tal-Bnedmin.

L-istudenti li attendew għal din is-sessjoni kellhom l-opportunità jipparteċipaw f’attivitajiet immirati sabiex iżidu l-għarfien tagħhom dwar it-traffikar uman. Ittellgħet ukoll ‘Traffiku’ miktuba mis-Sur Paul Portelli, li hija drama li tesponi forom differenti ta’ traffikar tal-bnedmin. L-istudenti ngħataw l-opportunità li jiddiskutu l-pjaga internazzjonali tat-traffikar tal-bnedmin u jinteraġixxu mal-atturi. Dawn tal-aħħar ħadu rwoli differenti li rrapreżentaw l-esperjenzi ta’ dawk li jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli attendew għall-attività u ħadu sehem fid-diskussjonijiet mal-istudenti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo faħħar din l-inizjattiva, li permezz ta’ kampanji bħal dawn nedukaw lit-tfal dwar id-diversi realtajiet li naffaċjaw fis-socjetà. It-traffikar tal-bnedmin hija realtà li naffaċjaw madwar id-dinja kollha, u għalhekk huwa importanti li nkunu konxji ta’ kif nistgħu nkunu parteċipi fit-trażżin tiegħu. Feraħ lil dan id-dipartiment tal-impenn tiegħu sabiex jitwassal dan il-messaġġ b’mod interattiv.

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli semmiet kif l-użu tad-drama qed jgħin sabiex il-messaġġ tal-kampanja nazzjonali dwar it-traffikar tal-bnedmin jasal b’mod effettiv għand mijiet ta’ adolexxenti Maltin u Għawdxin. Hija qalet li għat-tieni sena konsekuttiva, il-gvern qed jiċċelebra l-Jum Ewropew kontra t-Traffikar tal-Bnedmin f’ambjent edukattiv fost l-istudenti.

Fakkret li, fil-baġit għall-2020, il-gvern ħabbar estensjoni tal-kampanja edukattiva dwar it-traffikar uman.

“Il-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa dwar it-traffikar tal-bnedmin ser iwassal għal ħolqien ta’ strateġija nazzjonali kontra t-traffikar uman. Fid-dokument ta’ konsultazzjoni nnifsu għamilna referenza għall-edukazzjoni formali u informali dwar dan is-suġġett. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa parteċipi f’dan il-proċess, u qed nimmiraw li l-istudenti fl-iskejjel tagħna jibdew jirċievu tagħlim dwar l-importanza tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin,” qalet s-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli.

Id-Drama Unit ser tkun qed ittella’ madwar 14-il sessjoni ta’ din ix-xorta bil-għan li jilħqu madwar 2800 student tas-sekondarja fl-iskejjel tal-istat, skejjel tal-knisja u oħrajn indipendenti.

Photos: MEDE/OPM_PS

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend