Il-Bank Ċentrali jgħid li s-sentiment ekonomiku huwa fuq il-medja storika – One News

Il-Bank Ċentrali jgħid li s-sentiment ekonomiku huwa fuq il-medja storika

Is-sentiment ekonomiku fuq il-medja storika.

Fl-aħħar aġġornament tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-ekonomija Maltija, l-ekonomisti tal-bank sostnew li s-sentiment ekonomiku żdied fuq il-medja storika tiegħu matul ix-xahar.

Qalu li ż-żieda fil-fiduċja fis-setturi tas-servizzi u tal-industrija għelbet tnaqqis fis-sentiment f’oqsma oħrajn bħal kostruzzjoni.

Fl-analiżi tagħhom, l-ekonomisti tal-bank ċentrali qalu li f’Awwissu, it-tkabbir annwali fil-wasliet tat-turisti kien ogħla minn dak irreġistrat xahar qabel.

Il-produzzjoni industrijali wkoll żdiedet b’ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel ma’ Lulju.

Bl-istess mod il-volum fil-bejgħ bl-imnut kiber b’mod qawwi fuq sena qabel.

L-ekonomisti tal-Bank Ċentrali żiedu jgħidu li l-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol komplew ikunu favorevoli, bin-numru ta’ nies qiegħda rreġistrati u r-rata tal-qgħad jibqgħu baxxi minn ħarsa storika.

Dwar ir-rata tal-inflazzjoni bbażata fuq l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet  għall-konsumaturi jingħad li telgħet bi ftit għal 1.9% f’Awwissu iżda r-rata bbażata fuq l-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut li huwa kejl aktar relevanti tal-inflazzjoni fil-prezzijiet għall-konsum domestiku kienet stabbli fil-livell ta’ 1.7%.

Il-Bank Ċentrali żied jgħid li d-depożiti tar-residenti Maltin żdiedu b’ritmu annwali inqas mgħaġġel ta’ 4.6% fis-sena sa Awwissu, waqt li l-kreditu lil residenti f’Malta żdied b’5.8% matul dan il-perjodu.

Fuq kollox jinnotaw li l-kaxxa ta’ Malta li hija bbażata fuq id-dħul u l-infiq attwali rreġistrat surplus ogħla meta mqabbel ma’ Awwissu tal-2018.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend