Ikkonfermata sentenza ta’ 10 snin ħabs għal pedoflu – One News

Notifiki

Ikkonfermata sentenza ta’ 10 snin ħabs għal pedoflu

Is-sentenza ta’ 10 snin lil Michael Charles Muscat ta’ 74 sena ġiet konfermata mill-Qorti. Muscat instab ħati li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tfal minorenni.

Michael Charles Muscat kien diġa’ weħel sitt snin ħabs fuq korruzzjoni ta’ minorenni u fit-tieni każ weħel 10 snin oħra wara li kellu relazzjoni sesswali ma’ ġuvnott ta’ 14-il sena.

Huwa appella minn is-sentenza fejn talab lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tikkunsidra l-età li għandu u lmenta li 10 snin kienu wisq meta tqis li kulma għamel kien li bies il-parti ġenitali tal-ġuvnott.

Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li l-ġuvnott kien fdat fil-kustodja tal-anzjan minn ommu u li l-abbużi seħħew propju fid-dar tal-anzjan.

L-abbuż seħħ meta l-anzjan niżżel il-qalziet taż-żagħżugħ, messlu l-parti ġenitali u bieshom. Minbarra hekk biesu xi ħames darbiet fuq wiċċu u ħalsu €5.

Darba oħra l-anzjan ra l-ġuvnott rieqed u deherlu li ra liż-żagħżugħ imiss il-parti tiegħu u pinġih waqt din l-azzjoni għax kien iħobb ipinġi.

Meta kien interrogat Muscat, li huwa divorzjat, qal li għandu ġibda sesswali kemm lejn l-irġiel kif ukoll in-nisa għalkemm l-iktar lejn ġuvintur ta’ età żgħira.

Mistoqsi jekk riedx għajnuna huwa wieġeb li m’għandux bżonn u meta mistoqsi jekk ma jiddespjiċiex ta x’għamel huwa qal li jiddispjaċih għax ħa jeħel il-ħabs.

L-Imħallef Scerri Herrera xejn ma kkonvinċiet ruħha bl-appell tiegħu fejn qalet li dwar it-talba biex tikkunsidra l-età tiegħu missu għaraf il-ħajja aħjar u żamm ‘il bogħod minn dawk li sejħet “attivitajiet illeċiti u diżgustanti”. Hija esprimiet it-tħassib tagħha li huwa jerġa’ jagħmel l-istess u rrimarkat li ma wera ebda interess li joħroġ mill-perverżjoni.

Minbarra li ikkonfermat is-sentenza ta’ 10 snin ħabs hija ordnat li fit-tliet snin li ġejjin jingħata l-għajnuna psikoloġika neċessarja biex jindirizza l-ġibdiet sesswali fil-konfront tal-minuri u biex ismu jitniżżel fir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend