“Ħallejtuna bid-dmugħ f’għajnejna” – tas-South End Core – One News

Notifiki

“Ħallejtuna bid-dmugħ f’għajnejna” – tas-South End Core

Mhux aċċettabbli – din hija r-reazzjoni tal-grupp South End Core għat-telfa tat-tim nazzjonali Malti kontra l-Gżejjer Faroe nhar it-Tlieta li għadda.

Bil-kliem “Mhux aċċettabbli” użati aktar minn darba, l-aktar grupp leali ta’ partitarji li anki jsiefer barra biex isegwi t-tim nazzjonali saħaq li l-partitarji li kienu fuq l-istess ajruplan mat-tim lanqas biss ġew rikonoxxuti wara l-logħba.

Fl-istqarrija, is-South End Core qalu li t-tim imexxi minn Raymond “Żażu” Farrugia ħallihom iddispjaċuti, bid-dmugħ f’għajnejhom.

Il-grupp ta’ partitarji Maltin qalu kif għal din il-logħba ingħatat ċertu importanza żejda, tant li fil-logħba kontra l-Iżveżja ġew imserħa xi plejers biex ikun hemm ċans ikbar ta’ riżultat pożittiv, li xorta waħda ma wasalx.

F’dikjarazzjonijiet iebsa s-South End Core staqsew ukoll x’inhuma l-pjanijiet fl-immedjat u dawk futuri.

Dan kollu wasal wara anki l-kummenti tal-kowċ tat-tim nazzjonali li ta lil crew ta’ ONE Breakfast mal-wasla tiegħu lura mill-Gżejjer Faroe.

Iż-Żażu saħaq ma’ dan l-istazzjon li huwa xorta jemmen li Malta tista’ ma tiġix l-aħħar fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-EWRO 2020.

BIL-FILMAT: “Xorta nistgħu ma nispiċċawx l-aħħar” – Iż-Żażu

Intant il-Ħamis filgħaxija, waqt li kien qed jitkellem waqt il-ftuħ tal-laqgħa tal-kunsill tal-MFA, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol Bjorn Vassallo qal kif huwa jifhem il-frustrazzjoni tal-partitarji Maltin, iżda dan ir-riżultat se jfisser aktar xogħol fi ħdan l-MFA. Semma d-deċiżjoni li trid titieħed wara li l-kowċ jingħalaqlu l-kuntratt fi tmiem din is-sena u qal li din id-deċiżjoni tista’ tistenna ftit għaliex l-impenji kompettitivi tat-tim nazzjonali jibdew ħafna aktar tard is-sena d-dieħla. Qal li l-MFA għandha taħtar direttur tekniku llum qabel għada.

Vassallo saħaq wkoll dwar il-viżjoni tiegħu sas-sena 2027, li hija dwar iżjed plejers Maltin li jibdew jilagħbu futbol professjonali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend