Il-Ministru Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis żaru wirja artistika magħmula minn klijenti ta’ Aġenzija Sapport. Din il-wirja qed tittella’ temporanjament fil-bini tal-Ministeru għall-Ekonomija fi Triq Merkanti, il-Belt Valletta, u qed tiġi organizzata b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Kummerċ u ma’ Aġenzija Sapport.
Il-Ministru Chris Cardona faħħar il-ħidma tal-persuni kollha involuti biex din il-wirja setgħet issir u qal li l-ministeru hu kommess li jagħti l-faċilità lill-artisti Maltin biex jesponu l-arti tagħhom. “Ninsab onorat nara klijenti ta’ Aġenzija Sapport jixprunaw it-talenti tagħhom. Din l-esebizzjoni turi l-impenn tagħhom biex jiżviluppaw u jesponu l-għarfien artistiku tagħhom.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis tkellem dwar l-abbiltajiet tal-persuni b’diżabilità, liema abbiltajiet issa jinsabu wkoll esebiti f’din l-esebizzjoni. Sostna li kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jiżviluppa l-abbiltajiet tiegħu u Aġenzija Sapport, bis-saħħa taċ-ċentri ta’ matul il-jum, toffri għajnuna sabiex il-persuni b’diżabilità jsaħħu l-abbiltajiet tagħhom u jesponu l-arti tagħhom. Is-segretarju parlamentari żied li m’għandux ikun hemm barrikati li jżommu lill-individwi milli jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom u qal li dan il-gvern għandu lill-persuni b’diżabilità fiċ-ċentru tal-politika tiegħu u jaħdem biex kull persuna tiżviluppa l-ħiliet tagħha.
Il-wirja artistika se ddum miftuħa sal-31 ta’ Ottubru 2019. Il-pubbliku jista’ jżur din il-wirja matul il-ġimgħa bejn id-disgħa ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ filgħaxij