Ta’ Busuttil jitħallew isellmu lil DCG u Delia jitkeċċa – One News

Notifiki

Ta’ Busuttil jitħallew isellmu lil DCG u Delia jitkeċċa

Is-sentejn anniversarju mill-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia reġa’ ħareġ fil-beraħ il-qasma kbira fil-Partit Nazzjonalista.

Filmat li deher fuq il-midja Nazzjonalista kixef il-qasma li hemm bejn il-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u l-fazzjoni tal-ex Kap Simon Busuttil.

Il-midja Nazzjonalista rrappurtat li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma tħallix iqiegħed kuruna ta’ fjuri quddiem ritratt ta’ Caruana Galizia fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir.

Dan għaliex il-familja Caruana Galizia ma temminx li Adrian Delia huwa kredibbli meta jsellem il-memorja ta’ Caruana Galizia wara li għajjarha biċċa blogger għax allegat li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni.

Il-filmat tan-Net jitkellem waħdu u  juri li waqt li Adrian Delia u t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista bdew isellmu lil Caruana Galizia quddiem il-Monument, id-deputati tal-fazzjoni Busuttil qagħdu lura u ma ngħaqdux mad-delegazzjoni.

Fil-fatt oħt Daphne Caruana Galizia marret ħdejn id-deputati tal-fazzjoni Busuttil – fosthom Beppe Fenech Adami, Mario De Marco, Claudio Grech u Kevin Cutajar.

Iżda filgħaxija deputati mill-fazzjoni Busuttil attendew għal mixja organizzata mill-Għaqda Occupy Justice biex ifakkru il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għal din l-attivita kien hemm preżenti l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, Jason Azzopardi, Karol Aquilina, David Casa u Roberta Metsola.

Għall-kuntrarju ta’ dak li seħħ filgħodu, dawn l-esponenti mill-fazzjoni Busuttil ma tkeċċewx mill-familja Caruana Galizia.

Iżda l-attendenza tagħhom ġabet reazzjoni ta’ rabja kbira minn nies fil-fazzjoni Delia.

Uffiċjal tas-sigurtà tal-kap Nazzjonalista u esponenti oħra kitbu fuq il-facebook ta’ Jason Azzopardi u staqsewh għaliex ma kkundannax dak li ġara l-Erbgħa filgħodu meta Delia tkeċċi minn oħt Caruana Galizia.

Kitbu wkoll fuq il-profil ta’ Roberta Metsola u qalulha biex tiddeċiedi, jiġifieri jekk hiex mal-Occupy Justice u l-fazzjoni Busuttil, jew ma’ Adrian Delia.

Persuna oħra kitbet li għall-attivita ta’ Daphne Caruana Galizia mar il-Partit ta’ Simon Busuttil waqt li oħra kkummentat li dawn in-nies li tant jitkellmu dwar id-demokrazija waqfu azzjoni li tirrifletti proprju l-espressjoni ħielsa f’pajjiż demokratiku.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend