Novembru mistenni jkun xahar kulturalment mogħni f’Għawdex – One News

Novembru mistenni jkun xahar kulturalment mogħni f’Għawdex

Novembru mistenni jkun xahar kulturalment mogħni f’Għawdex b’attivitajiet mużikali mżewqa għall-gosti ta’ kull faxxa ta’ nies. Dan ħabbritu l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana waqt tnedija ta’ żewġ attivitajiet kbar li se jittellgħu f’Għawdex matul Novembru – Not just the wall – a tribute to the music of Pink Floyd u The Sound of Music.

Waqt it-tnedija tal-kunċert Not just the wall – a tribute to the music of Pink Floyd, il-Ministru għal Għawdex esprimiet sodisfazzjon li Għawdex se jkun l-attrazzjoni kulturali ewlenija fix-xahar ta’ Novembru f’dak li għandu x’jaqsam ma’ mużika u ma’ prestazzjonijiet professjonali minn kantanti stabbiliti fil-gżejjer Maltin. “Din l-attività li qed tittella’ mill-Gozo Youth Orchestra se tixpruna t-talent lokali din id-darba fl-ambitu tal-ġeneru rock fejn se naraw prestazzjonijiet mill-band Għawdxija Cash and Band flimkien mal-Gozo Youth Orchestra u akkumpanjati minn artisti prominenti fil-qasam tal-ġeneru rock f’Malta”, qalet il-Ministru Caruana.

Żiedet li attività bħal din se tatratta udjenza differenti lejn il-gżira Għawdxija li għandha l-potenzjal li toħloq niċċa kulturali oħra mal-katina ta’ avvenimenti li qed isiru kontinwament f’Għawdex tul is-sena kollha. “Għawdex qed nibdluh fi gżira ta’ attivitajiet il-ħin kollu, is-sena kollha, u b’dan il-għan f’moħħna se nkomplu naħdmu u nirsistu biex norganizzaw u nkunu ta’ spalla mal-organizzaturi ta’ avvenimenti simili biex kemm l-Għawdxin kif ukoll dawk li jżuruna jkollhom l-aqwa esperjenza kulturali”.

Il-Ministru Caruana rringrazzjat lill-organizzaturi u saħqet dwar l-importanza li qed jagħti l-Ministeru għal Għawdex għall-attivitajiet kulturali permezz tal-iskemi magħmula apposta biex NGOs u entitajiet oħra jgawdu minnhom u jtellgħu attivitajiet tal-ogħla livell.

Is-Surmast Direttur Joseph Grech qal li bis-saħħa tal-appoġġ mogħti mill-Ministeru għal Għawdex din l-attività se tkun parti integrali mill-kalendarju kulturali Għawdxi u rringrazzja lill-ministeru tal-appoġġ kontinwu li qed jagħti lill-entitajiet kulturali f’Għawdex. Semma li dan il-kunċert se jkun vetrina għad-dilettanti kollha tal-Pink Floyd u tal-ġeneru rock b’sett ta’ artisti rinomati fix-xena rock Maltija. Temm billi ħeġġeġ lil dawk kollha li huma interessati biex jakkwistaw il-biljetti tagħhom qabel ikun tard wisq.

Tnedija oħra saret fl-Oratorju Don Bosco, din id-darba ta’ musical rinomat u popolari ħafna The Sound of Music li se jittella’ f’Novembru mill-Oratorju Don Bosco u mill-Chorus Urbanus. “Il-Ministeru għal Għawdex qed jassisti din l-attività b’mod b’saħħtu ħafna mhux biss finanzjarjament iżda wkoll loġistikament għaliex nemmnu fit-talent lokali, fit-tfal u fiż-żgħażagħ tagħna sabiex inkomplu narawhom jiżviluppaw il-ħiliet u t-talenti tagħhom imsawrin u mdawra bil-valuri soċjali li tant huma bżonnjużi fis-soċjetà tal-lum”, qalet il-Ministru Caruana.

Saħqet dwar l-importanza li postijiet bħall-Oratorju Don Bosco qed ikunu ta’ pjattaforma biex niffurmaw lill-ġenerazzjoni ż-żgħira tagħna bl-aqwa mod possibbli u fl-istess ħin jitgħallmu u jikbru kulturalment bis-saħħa ta’ produzzjonijet bħal dawn. Irringrazzjat lill-Oratorju Don Bosco u lil Chorus Urbanus tal-isforz kollettiv li qed jagħtu sabiex tittella’ produzzjoni tal-aqwa livell li saħansitra qed tattira l-interess tal-pubbliku internazzjonali.

Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-Oratorju Don Bosco Dun Effie Masini qal li l-oratorju għandu fil-qalba tal-inizjattivi tiegħu l-valuri tar-rispett u tas-solidarjetà u kif iż-żgħażagħ li jieħdu sehem jagħtu kontribut siewi lis-soċjetà Għawdxija inġenerali. Irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex tas-sostenn li dejjem ta għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet bħal dawn u rringrazzja lill-ministru li dejjem fetħet il-bieb għas-sejħiet tal-oratorju kull meta kien hemm bżonn.

Not Just The Wall – A Tribute to the music of Pink Floyd se jittella’ fit-Teatru tal-Opra Aurora s-Sibt, 2 ta’ Novembru 2019 fit-8:00pm u l-biljetti jistgħu jinkisbu fuq 79045779 jew fuq www.teatruaurora.com.

The Sound of Music se jittella’ f’dawn id-dati:

Is-Sibt, 9 ta’ Novembru 2019 – 7:30pm

Il-Ħadd, 10 ta’ Novembru 2019 – 2:30pm

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Novembru 2019 – 7:30pm

Il-Ħadd, 17 ta’ Novembru 2019 – 5:30pm

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend