Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, Jose Herrera, intrabat li fi żmien tliet xhur iressaq quddiem il-Kumitat għall-Ambjent tal-Parlament ir-rapport annwali tal-Kumitat Tekniku dwar it-tibdil fil-klima.
“Kull pajjiż irid jagħmel il-parti tiegħu,” enfasizza l-Ministru Herrera li fakkar kif il-gvern mhux biss irid jirriaferma emerġenza dwar il-klima iżda iktar minn hekk jieħu azzjoni bi programm ta’ ħidma.
Filwaqt li fakkar li l-Gvern diġà approva Att dwar it-Tibdil fil-Klima biex irrikonoxxa emerġenza dwar is-suġġett qal li jaqbel li tkun irriafermata din l-emerġenza.
Fil-Parlament il-Ministru Herrera tkellem kif fost l-azzjoni li trid tittieħed fiż-żmien li ġej hija dik li s-sena d-dieħla titħabbar id-data għal meta ma jkunux importati iktar karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel. “Jekk nagħmlu dan inkunu għamilna pass ta’ ġgant,” qal il-Ministru Herrera li sostna li se jkun hemm ukoll ‘green procurement’ għall-karozzi kollha tal-gvern, inkluż dawk mikrija.
Il-Ministru Herrera insista li mhuwiex biss il-Ministeru għall-Ambjent li jrid jieħu azzjoni fuq dan is-suġġett imma kull Ministeru.
“Qegħdin bħala Gvern wieħed nerfgħu r-responsabbiltà,” qal il-Ministru li tenna l-impenn tal-Gvern li l-bidla ssir mingħajr piżijiet azzjonijiet li jħallu impatt fuq il-familji. Hawn fisser kif hemm
35 miżura fil-baġit li huma parti minn azzjonijiet konkreti kontra t-tibdil fil-klima.
Il-Ministru Herrera kellu kliem ta’ ħajr għall-oppożizzjoni li ressqet mozzjoni dwar is-suġġett u fisser kif hemm għadd ta’ temi li ż-żewġ partiti jaqblu fuqhom.
Kelliema oħra tal-Gvern tkellmu wkoll dwar l-importanza tas-suġġett u fl-istess ħin fissru kif il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni kellha numru ta’ żbalji u taw eżempji li l-oppożizzjoni mhix kredibbli dwar is-suġġett.
http://www.one.com.mt/2019/10/17/il-pn-jinsa-li-l-parlament-diga-approva-ligi-dwar-il-bidla-fil-klima-2/